Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Muscat jiddefendi lil Cyrus Engerer u jgħid li huwa wieħed mis-suldati tal-azzar

Il-Hamis waranofsinhar. Il-Qorti tal-Appell Kriminali ssib lill-kandidat Laburista Cyrus Engerer ħati li xerred ritratti pornografiċi tal-eks partner tiegħu ma’ persuni oħrajn biex ipattihielu talli telqu u javvelih ma’ sħabu u anke ma’ min iħaddmu. L-istess qorti tagħti sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs lil Cyrus Engerer.

24 siegħa wara. Il-Ġimgħa filgħaxija. Cyrus Engerer jingħata merħba ta’ eroj mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività tal-Partit Laburista fl-Imqabba. Attività li kienet indirizzata biss minn Muscat u minn Engerer stess – l-għada li ngħata s-sentenza mill-Qorti.

Kuntrarju għal dak li stennew ħafna – jiġifieri li Muscat jieħu passi kontra Engerer wara dak li ġie żvelat fil-Qorti – Muscat għannaq lil Engerer u qallu li postu kien, għadu u jibqa’ fil-Partit Laburista.

Kemm Muscat kif ukoll Engerer ikkonfermaw li minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti, Muscat ma talabx lil Engerer biex jirtira l-kandidatura tiegħu. Iżda kien Engerer – għażla tiegħu – li jirtira mit-tellieqa.

Skont Muscat, l-għada li Cyrus Engerer instab ħati mill-Qorti li xerred materjal pornografiku, l-eks kandidat Laburista qal biss dak li ħaseb.

Fi kliem Muscat, Cyrus Engerer huwa wieħed mis-suldati tal-azzar tal-Partit Laburista u anke Cyrus Engerer jħossu suldat tal-azzar.

Minkejja li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali, Cyrus Engerer xorta se jibqa’ nvolut fil-Partit Laburista u se jibqa’ jaħdem biex jikkonvinċi lin-nies jivvutaw lill-partit tiegħu. Dan għaliex, fi kliem Engerer, hu għandu l-istess viżjoni ta’ Muscat. Fil-fatt, anke Muscat ikkonferma li hu u Engerer għandhom l-istess valuri u ideali.

Fid-diskors tiegħu, li ntemm bl-għajjat ta’ Cyrus, Cyrus, Joseph Muscat spjega kif hu u Cyrus Engerer huma familja waħda.

Minkejja li l-attività tal-Partit Laburista fl-Imqabba kienet imdawwra mal-eks kandidat Laburista Cyrus Engerer, il-cameras ta’ Net Television ma tħallewx jiffilmjaw id-diskors ta’ Engerer, li qajjem kommossjoni kbira fost dawk preżenti.