Futbol Sport

Penalty u żewġ sostituti jdawru l-logħba favur l-Olanda

OLANDA …………..3
TURKIJA …………..2

Olanda> Van Osch, Veendorp, Verdonk, Verloo, Van de Beek, Bergwijn, Schuuman, Van der Moot (Ould-Chikh 55), Berenstein (Paal 80), Van der Meer, Slabbekoom (Nouri 55)

Turkija> Tarik Cetin, Savas Polat, Bahadir Ciloglu, Burak Bekaroglu, Ertugrul Ersoy, Hasan Ozkan, Sabit Hilmaz, Birhan Vatansever (Tuncay Kilic 76), Enes Unal (Fatih Aktay 78), Emirhan Aydogan, Dogus Can Incedere (Hayrullah Alici 55)

Imwissija> Ciloglu, Can Incedere (T)
Skorjaw> Enes Unal 43, Fatih Aktay 79 (T), Berdonk 54, Nouri 69, Ould-Chikh 75 min (O)
Referee> Nikola Dabanovic (Montenegro)

L-Olanda u t-Turkija offrew ħames gowls fl-ewwel logħba mill-finali tal-Kampjonati Erwropej taħt is-17-il sena li qed jintlagħbu f’Malta u quddiem attendenza sabiħa, fil-maġġor parti tfal mill-iskejjel, taw wirja sabiħa fl-ewwel logħba minn Grupp A.

Wara taqsima mingħajr gowls kienu l-Olanda li ħarġu rebbieħa 3-2 wara li kienu gowl minn taħt. Imma żewġ bidliet f’waqthom fit-tieni taqsima mill-kowċ Olandiż Marteen Stekelenburg, wassluh biex dawwar il-logħba favur it-tim tiegħu. B’hekk Iċ-Champions tal-2011 u l-2012 bdew fuq nota pożittiva u issa jistennew il-konfront kontra Malta nhar it-Tnejn fil-Gozo Stadium bit-tama li jiksbu t-tieni rebħa.

Il-bidu kien bilanċjat bl-Olandiżi jidhru aktar agressivi imma ftit perikolużi u kienu t-Torok li għalqu l-ewwel taqsima fuq l-attakk.

L-ewwel azzjoni denja waslet mit-Torok fis-17-il minuta meta l-attakkant ta’ Bursaspor, li sar l-iżgħar plejer li qatt skorja fis-Super League Torka, xeħet barra fis-17-il minuta wara suġġeriment ta’ Birhan Vatansever.

L-Olandiżi wkoll fallew ċans faċli b’Marlon Slabbekoom jara x-xutt tieħgu jaħbat mal-art u jogħla fuq il-lasta minn rebound fuq xutt ta’ Berenstein.

Lejn tmiem it-taqsima t-Torok kienu għoddhom fetħu l-iskor meta Sabit Hilmaz xeħet ftit barra wara gowlkick ħażin tal-gowlkiper Yanick van Osch.

Imma sekondi fit-tieni taqsima t-Torok għal ftit ma fetħux l-iskor meta Enes, waħdu fuq il-linja tal-kaxxa ż-żgħira u bil-gowlkiper megħlub, kellu xutt imblukkat mill-captain Olandiż Vendoorp fuq il-lina tal-gowl.

Kien iżda l-preludju tal-ewwel gowl tal-kampjonat li wasal fit-43 minuta mill-istess żagħżugħ ta’ 16-il sena ENES UNAL li wara li rċieva mingħand Ersoy bir-ras fuq cross ta’ Ozkan, dar u spara fil-baxx fix-r-rokna tax-xibka minn tarf il-kaxxa ż-żgħira.

Imma r-reazzjoni Olandiża kienet immedjata u 11-il minuta wara Bahadir Ciloglu ġie ġudikat li waqqa’ lil Steven Bergwijn fil-kaxxa u mill-11-il metru, VERDONK kiseb id-draw.

Dan il-gowl bidel l-andament tal-logħba bl-Olandiżi jieħdu kontroll u wara li Bergwijn u s-sostitut Bilal Ould-Chikh marru viċin, kien is-sostitut l-ieħor NOURI li poġġa lill-Olanda għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta skorja faċilment f’lasta vojta wara li l-gowlkiper Cetin kien wettaq save stupend fuq xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Jari Schuumann.

Il-gowl qatel lit-Turkija u wara li Schuuman kien sfortunat li laqat il-mimduda, ħames minuti mit-tmiem kien BILAL OULD-CHIKH li b’chip mill-isbaħ skorja t-tielet gowl.

Daqqa ta’ ras stupenda ta’ FATIH AKTAY, minuta biss wara li daħal jilgħab, fetħet xaqq żgħir ta’ tama għat-Torok imma Sabit Yilmaz falla l-gowl tad-draw meta xeħet barra fil-ħin miżmum.