Ambjent Lokali

Pjazza San Ġorġ trasformata fi ġnien kbir

Pjazza San Ġorġ fil-Belt ġiet trasformata fi ġnien b’medda kbira ta’ fjuri ta’ kull kulur, hekk kif fetħet l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Green Festival. L-infjorata tradizzjonali, li għandha għeruq reliġjużi, saret mill-ġdid bħala parti minn dan il-Festival ta’ tlett ijiem, bl-iskop li jitqajjem aktar għarfien ambjentali fost il-pubbliku, fil-kuntest ta’ għajxien sostenibbli fiż-żoni urbani Maltin.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef inawgura dan il-Festival fil-preżenza tal-Ministri Owen Bonnici u Leo Brincat, kif ukoll tas-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli. L-iskop tal-Valletta Green Festival hu li jkun ta’ attrazzjoni ġdida għall-belt kapitali, filwaqt li jagħti lill-viżitaturi esperjenza ġdida fi Pjazza San Ġorġ. Dan bħala parti mill-impenn tal-Fondazzjoni V18 lejn ir-riġenerazzjoni tal-Belt ħalli tkun belt aktar ħajja u attiva.

Is-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli qal li l-Festival hu opportunità biex il-Belt tissebbaħ b’kuluri u ħdura ambjentali. Hu ħeġġeġ lir-residenti tal-Belt biex isebbħu l-galleriji u quddiem djarhom ukoll. Għall-infjorata, li hi mifruxa fuq 400 metru kwadru, intużaw 80,000 qasrija bil-fjuri u li jekk wieħed jagħmilhom wara xulxin iwasslu minn Pjazza San Ġorġ sas-Siġġiewi.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Konsorzju ELC Peter Calamatta ħabbar li mill-eluf ta’ qsari li qed isebbħu Pjazza San Ġorġ, 10,000 se jmorru biex iżejnu Għawdex. L-installazzjoni artistika bil-fjuri, li tissimbolizza l-maduma tradizzjonali Maltija, hi bbażata fuq disinn tal-artista lokali Alexandra Pace. Din tkopri fjuri staġjonali, l-aktar petunji, mqiegħda ħdejn xulxin u li tkabbru mill-konsorzju ELC f’Wied Inċita f’dawn l-aħħar 12-il ġimgħa.

Il-faċċata tal-Palazz tal-President ukoll ġiet imżejna bi pjanti u fjuri bħala parti mill-Festival. Ġew armati wkoll numru ta’ stands informattivi mtella’ mid-Dipartiment tal-Parks, mid-Direttorat dwar is-Saħħa tal-Pjanti u mill-WasteServ, b’informazzjoni lill-pubbliku dwar kif wieħed inaqqas, juża’ mill-ġdid u jirriċikla l-iskart.