Sport Sport Ieħor

Telfa u rebħa għal Malta fit-Tazza Davis

It-tim Malti tat-Tazza Davis kellu telfa u rebħa f’Pool B ta’ Grupp III taz-zona tal-Ewropa u l-Afrika. Malta, tilfet kontra s-seed nru 3, l-Maċedonja u rebħet 3-0 kontra l-Albanija. Il-Maċedonja rebħu l-Pool wara li kisbu żewġ rebħiet. Il-logħob sar f’Szeged fl-Ungerija fuq court tat-tafal.

Malta fetħet l-impenji b’konfront diffiċli kontra l-Maċedonja li kienu ferm superjuri. Tomislav Jotovski għeleb lil Matthew Asciak 6-3, 6-1, Dimitar Grabul għeleb lil Bernard Cassar Torregiani 6-2 6-2 fi ftit anqas minn siegħa u fid-doubles, Shendrit Deari u Grabul għelbu mingħajr tbatija wkoll lil Bradley Callus u Bernard Cassar Torregiani 6-2, 6-2 għal rebħa 3-0.

Il-plejer l-ieħor fl-iskwadra Maltija mmexxija mill-captain Marco Capello hu Denzil Agius.

Fit-tieni logħba Matthew Asciak u Bradley Callus rebħu l-konfronti tagħhom fis-singles filwaqt li aktar tard waranofsinhar Malta rebħet anke fid-doubles.

Pool A intrebħet mill-organizzaturi l-Ungerija wara rebħiet 3-0 fuq u l-Armenja u Liechtenstein.

Georgia rebħu Pool C meta għelbu lill-Iżlanda u l-Montenegro 3-0 waqt li f’Pool D wara telfa xokkanti 2-1 kontra l-Estonja, l-favoriti Turkija għelbu lil San Marino 3-0.

Il-partiti kienu fuq bażi ta’ round robin b’erba’ pools ta’ tliet pajjiżi l-wieħed. Ir-rebbieħ ta’ Pool A u B jilagħbu fi play-off kontra r-rebbieħa ta’ Pool C u D biex jiġi determinat liema żewġ pajjiżi jiġu promossi għall-Grupp II taz-zona tal-Ewropa u l-Afrika fl-2015.