Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, żar il-penisola tal-Krimea għall-ewwel darba mindu pajjiżu, f’Marzu, għaqqad dan it-territorju ma’ artu. Iż-żjara seħħet wara li Putin kien kellem lill-eluf tar-Russi li attendew għall-akbar parata militari li qatt saret fil-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska tul l-aħħar għoxrin sena u fejn qal li hu determinat li jiddefendi art twelidu – mingħajr ma għamel imqar referenza waħda għall-Ukrajna.
Il-Gvern tal-Ukrajna, intant, qal li ż-żjara fil-Krimea seħħet b’abbuż tas-sovranita Ukrena – bil-Mexxej Russu jkellem lill-baħrin fil-port ta’ Sevastopol, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li fakkru r-rebħa tas-Sovjetiċi fuq in-Nażisti ta’ Adolf Hitler, fl-1945. Putin uża l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-qawwiet armati għar-rwol tagħhom fit-Tieni Gwerra Dinjija u anki faħħar ‘l-isħubija’ tal-Krimea mal-Federazzjoni tar-Russja.
Putin, imbagħad, attenda fly-by tal-ajruplani Russi, bir-residenti tal-Krimea jilqgħuh bħala eroj meta hu beda jdur fi pjazza ewlenija biex jieħu b’idejn in-nies.
//= $special ?>

