Internazzjonali

Attivitajiet politiċi u tensjoni fit-Tajlandja

Is-sostenituri tal-Gvern Tajlandiż u l-partitarji tal-Oppożizzjoni, ħejjew ir-rallies rispettivi fl-inħawi tal-Punent ta’ Bangkok u fost it-tensjoni li ilha tirranka mindu qorti, jiem ilu, iddeċidiet li l-Prim Ministru, Yingluck Shinawatra, u disa’ Ministri tal-Gvern, jeħtieġu jwarrbu.

Eluf ta’ pulizija kienu fuq alert fl-inħawi tal-kapitali, bit-Tajlandiżi li jappoġġjaw lill-Gvern isostnu li qegħdin ‘jimmarċjaw għall-interessi tad-demokrazija’.

It-tkeċċija ta’ Yingluck minn Prim Ministru seħħet wara sitt xhur ta’ protesti li ġġeneraw ansjeta kbira fost l-investituri – biċ-ċirkostanzi jkollhom anki impatt negattiv għat-turiżmu.

Il-Partit Pheu Thai ta’ Yingluck għandu bażi ta’ appoġġ qawwi fost il-votanti rurali waqt li s-sostenituri tal-Oppożizzjoni (li qed jitolbu r-riformi politiċi) huma membri tal-klassi urbana tan-nofs.

Filwaqt li ma daħlux rapporti dwar inċidenti ġodda (waqt ir-rallies) sal-ħin li morna għall-istampa, il-konflitt politiku fit-Tajlandja dieħel f’fażi ġdida bil-potenzjal għal aktar vjolenza. Dan meta ż-żewġ gruppi tas-sostenituri jinkludu l-elementi armati li kellhom sehem fl-inkwiet tal-aħħar xhur li rriżulta f’numru ta’ mejtin u midruba.