Futbol Sport

Bayern jiċċelebraw titlu ieħor

Bayern Munich iċċelebraw ir-rebħ tat-titlu, l-24 wieħed fl-istorja tagħhom, b’rebħa minima kontra Stuttgart grazzi għal gowl skorjat fl-aħħar sekondi tal-logħba. Fl-aħħar ġurnata tal-Bundesliga ngħataw l-aħħar verdetti fejn Nurenberg u Eintracht Braunschweig kienu relegati, filwaqt li Hamburg minkejja t-telfa ta’ 3-2 għand Mainz se jilagħbu fi play-off kontra t-tielet tim mit-tieni diviżjoni.

Bayer Leverkusen dawwru r-riżultat kontra Werder Bremen biex bir-rebħa ta’ 2-1 aċċertaw mir-raba’ post li jfisser post fiċ-Champions League staġun ieħor.

Nurenberg u Braunschweig ma rnexxielhomx japprofittaw miż-żelqa ta’ Hamburg għaliex anki huma ħarġu telliefa, Nurenberg tilfu kontra Schalke 4-1 u Braunschweig tilfu kontra Hoffenheim 3-1. Għal Nurenberg din kienet it-tmien darba li huma kienu relegati mill-Bundesliga, li hu rekord ta’ dan il-kampjonat li twaqqaf fl-1963, filwaqt li Braunschweig se jagħmlu ritorn immedjat fit-tieni diviżjoni wara staġun wieħed biss fil-Bundesliga.

Għal Hamburg, l-uniku tim fl-istorja tal-Bundesliga li qatt ma kien relegat, it-tama issa hi fi playoff kontra t-tim li se jispiċċa t-tielet fit-tieni diviżjoni Ġermaniża.

Robert Lewandowski skorja doppjetta għal Dortmund fl-aħħar logħba tiegħu qabel staġun ieħor jingħaqad ma’ Bayern biex spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-Bundesliga b’għoxrin gowl. Bayern kellhom jistennew sat-92 minuta biex għelbu lil Stuttgart 1-0 b’gowl ta’ Claudio Pizarro.

Bayern rebħu t-titlu meta kien jonqos seba’ logħbiet għal tmiem l-istaġun li hu rekord assolut tal-Bundesliga.