Madwar 20 diving site f’Malta, Għawdex u Kemmuna bejn is-Sibt u l-Ħadd tnaddfu minn grupp ta’ għaddasa f’attività organizzata minn Let’s Do It Malta flimkien ma’ Sharklab Malta, l-Università ta’ Malta u Plastic Oceans fost għaqdiet oħra.
Din l-attività hi waħda internazzjonali hekk kif bejn l-10 u l-11 ta’ Mejju, eluf ta’ voluntiera mill-komunitajiet madwar il-Mediterran jipprarteċipaw f’dan il-proġett biex jinġabar plastik u skart ieħor minn qiegħ-il baħar.
Imma minbarra t-tindif tal-oċean, din il-kampanja għandha l-għan ukoll li tqajjem għarfien dwar il-problema tat-tniġġis tal-Mediterran u biex il-popli jiġu motivati jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjoni.
Studji juru li l-kontaminazzjoni tal-Mediterran laħqet livelli għolja ħafna tant li jeżistu żoni tal-Mediterran fejn hemm iktar plastik milli ħaxix tal-baħar.
Bħalissa qed isir ukoll studju dwar l-iskart fl-ibħra Maltin mill-Università ta’ Malta, bl-istatistika mistennija tingħadda lill-MEPA.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet taħt il-Forti Sant’Iermu, ftit tal-ħin qabel l-għaddasa niżlu fil-baħar biex jibdew il-ġbir tal-iskart, Faisal Sadegh, Koordinatur Nazzjonali ta’ Let’s Do It Malta! u koordinatur tal-proġett Let’s Do It! Mediterranean fakkar li l-Mediterran hu fost l-ikbar reġjuni turistiċi fid-dinja u għalhekk hu mportanti li jiġi protett.
Intant, f’attività separata, ir-Rotaract Club Malta La Valette flimkien mal-Malta UNESCO Youth Association is-Sibt wara nofsinhar ingħaqdu flimkien biex naddfu ż-żona ta’ madwar il-Wied tar-Rinella.
//= $special ?>