Lokali

Ħaddiema tal-Gvern jintalbu l-flus għal dar finanzjata mill-Gvern

F’ċirkolari interna bid-data tat-tletin t’April li għadda, is-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa ħabbar li se ssir dik li tissejjaħ Dress Down Day għall-impjegati tas-Segretarjat nhar l-Erbgħa 14 ta’ Mejju.

S’hawnhekk xejn ħażin. Imma, l-istess ċirkolari li tħeġġeġ lill-istaff kollu biex jipparteċipa f’din l-inizjattiva, u dakinhar imur għax-xogħol liebes casual flok kif imur issoltu, titlob ukoll lill-membri tal-istaff biex iħallsu ħames ewro kull wieħed – dik li simbolikament tissejjaħ “multa”. U dan sabiex jinġabru fondi għal Dar Kenn għal Saħħtek, tgħid l-istess ċirkulari.

Anke s’hawnhekk, forsi dak li jkun jgħid li ma fiha xejn ħażin li wieħed joħroġ il-flus għall-karità.

Imma fil-verità, skont skorsi li tkellmu magħna, il-fondi li se jinġabru m’huma karità xejn. Għax din id-Dar, li tinsab fl-Imtarfa, suppost li tkun finanzjata mill-Gvern, jew aħjar mid-Dipartiment tas-Saħħa, li meta nfetħet, iffirma ftehim biex jipprovdi r-riżorsi umani, il-mediċini u spejjeż oħra kull sena biex Dar Kenn għal Saħħtek tkun tista’ taħdem.

Dan filwaqt li l-Malta Community Chest Fund kienet ħarġet l-ispejjeż inizjali biex jitranġa l-post u tkun tista’ tinfetaħ din ir-residenza, li tilqa’ fiha nies bi problemi bħal anorexia, bulimia u obeżità biex jingħataw il-kura meħtieġa. Dar Kenn għal Saħħtek fil-fatt kienet ġiet inawgurata mill-ex President ta’ Malta, George Abela ftit qabel intemmet il-Presidenza tiegħu. Għall-inawgurazzjoni kienu attendew ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-ex Ministru tas-Saħħa, Godfrey Farrugia.

Ħaddiema tas-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa llum immexxi minn Chris Fearne, li tkellmu magħna, qalulna li dan kollu jfisser li huma qed jintalbu joħorġu l-flus minn buthom għal din id-Dar biex jissostitwixxu parti mill-flus li suppost joħroġ il-Gvern.

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ maltarightnow.com urew it-tħassib tagħhom għal din iċ-ċirkolari u sostnew ukoll li jekk huma ma joħorġux dawn il-flus li suppost joħroġhom il-Gvern, huma se jidhru koroh. U allura qed jinterpretaw din iċ-ċirkulari bħala theddida fil-konfront tagħhom.

Mela hekk ġejna sew, sostnew uħud mill-membri tal-istaff li tkellmu magħna, aħna l-ħaddiema tal-Gvern irridu nħallsu ħames ewro biex immorru għax-xogħol, bl-iskuża ta’ dress down day, biex insostnu n-nefqa tal-Ministeru tas-Saħħa.

Il-ħaddiema kkummentaw li kieku l-flus miġbura kienu se jmorru għal xi istituzzjoni oħra li m’għandha x’taqsam xejn mal-Gvern, kien ikun ferm aħjar u kien jagħmel sens. U kienu jikkontribwixxu bi ħġarhom.