Lokali Xjenza u Teknoloġija

Il-Fondazzjoni HSBC Malta tgħin fil-bini ta’ laboratorju tal-IT

Il-Fondazzjoni HSBC Malta tat l-appoġġ tagħha għal bini ta’ laboratorju tal-IT li se jipprovdi opportunitajiet lil dawk iż-żgħażagħ li għandhom bżonn ta’ appoġġ edukattiv. Dan il-laboratorju infetaħ bħala parti mill-programm Youth Inc – programm imniedi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi bil-għan li joffri programmi edukattivi akkreditati għaż-żgħażagħ permezz ta’ tagħlim formali, informali u tagħlim mhux formali.

Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo sostna fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet fl-IT bħala parti integrali mill-edukazzjoni tagħhom.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni HSBC Malta Kate Gonzi qalet li dan l-appoġġ finanzjarju jirrifletti l-impenn tal-fondazzjoni li tippromwovi l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali fil-komunità.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi Roderick Agius irringrazzja lill-Fondazzjoni HSBC Malta għall-appoġġ tagħha biex jinbena dan il-laboratorju tal-IT. Huwa qal li dan il-laboratorju se jipprovdi l-faċilitajiet neċessarji għaż-żgħażagħ li għal diversi raġunijiet, fosthom esklużjoni soċjali u diffikultà fit-tagħlim, sabu ruħhom f’diffikulta biex ikomplu jistudjaw.