Permezz ta’ Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza (ECO), l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (il-MEPA) temporarjament estendiet il-konfini ta’ skedar (Klassi A) sabiex it-Tempji Neolitiċi Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr jitkomplew jiġu protetti. Dan huwa l-għola livell ta’ protezzjoni li sit arkeologiku jista’ jingħata.
Iż-żona estiża ta’ art koperta minn din l-Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza fil-viċinanzi tat-tempji tinkludi ukoll l-art li l-Gvern bi ħsiebu jespropja. Ta’ min jgħid li wara pressjoni li saret lill-Gvern mill-għaqdiet ambjentali u mill-Partit Nazzjonalista permezz ta’ mozzjoni fil-Parlament, il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jesproprja art biswit it-tempji Ta’ Ħaġrat. L-Awtorita’ ħarġet l-Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza wara li l-Gvern talabha biex tikkunsidra li tuża dan il-mekkaniżmu tal-ippjanar sabiex tipproteġi dawn it-tempji minn kull żvilupp fil-viċin.
Permezz ta’ din l-Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza, li għandha perjodu ta’ validità ta’ 6 xhur, ser ikunu jistgħu jsiru aktar studji qabel ma’ din iż-żona tiġi kklassifikata bħala żona skedata (Klassi A). Matul dan il-perjodu ta’ 6 xhur ebda’ żvilupp ma jista’ jsir fuq kwalunkwe sit fil-konfini.
It-Tempji Ta’ Ħaġrat u Skorba fl-Imġarr ingħataw skedar Klassi A mill-MEPA f’Ottubru 1998.