Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

In-negozji ż-żgħar kruċjali biex is-settur tat-turiżmu jkompli jissaħħaħ – Kevin Plumpton

It-turiżmu huwa wieħed mill-iktar setturi li tiddependi fuqu l-ekonomija Maltija. Għaldaqstant, f’kull deċiżjoni li jieħu, il-Gvern għandu jqis l-impatt ta’ din id-deċiżjoni fuq it-turiżmu.

Dan kien il-messaġġ tal-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton waqt żjara li għamel f’Marsaxlokk fejn iltaqa’ ma’ diversi sidien ta’ negozji u ristoranti. Kevin trabba u jgħix f’din iz-zona ta’ Malta u, kif qal f’diversi attivitajiet, jekk jiġi elett fil-Parlament Ewropew, se jkun qed jiffoka l-ħidma tiegħu biex jassigura li l-familji u n-negozji tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta jkunu stmati daqs kull ċittadin ieħor fl-Unjoni Ewropea.

Meta tkellmu ma’ Kevin Plumpton, sidien tar-restoranti qalu li huma diġa bdew iħossu l-impatt negattiv li l-proġett tat-tanker tal-gass se jkollu fuq in-negozju tagħhom. Ħafna persuni li tkellmu ma’ dawn is-sidien tan-negozju qalu li kif isir dan il-proġett mhux se jibqgħu jiffrekwentaw din in-naħa ta’ Malta.

KPMxlokk2

Kevin Plumpton tkellem dwar l-importanza li din iż-żona ma tintlaqatx b’mod negattiv partikolarment minħabba l-importanza tas-settur turistiku. Fakkar ukoll fl-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea bħall-programm ERASMUS li joffri taħriġ relatat mas-settur turistiku u l-programm COSME li joffri opportunitajiet ta’ placements ta’ xogħol.

Kevin Plumpton saħaq li huwa kruċjali li f’kull deċiżjoni li tittieħed fuq livell Ewropew jinżamm bħala prijorità l-impatt li din id-deċiżjoni jista’ jkollha fuq in-negozji ż-żgħar partikolarment dawk li jħaddmu anqas minn 10 persuni li l-maġġoranza tagħhom huma anki ristoranti. Dawn it-tip ta’ negozji, fakkar Kevin Plumpton, iħaddmu aktar minn 96% tal-ħaddiema f’Malta u Għawdex.