Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Is-Soċjalista Martin Schulz jgħid li Malta għamlet suċċess bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-President tal-Parlament Ewropew u l-kandidat tas-Soċjalisti għall-Kummissjoni Ewropea, Martin Schulz kellu messaġġ ċar għal persuni bħal Alfred Sant li jemmnu li pajjiżhom kien imur aħjar barra mill-Unjoni Ewropea.

Mistoqsi minn maltarightnow.com dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-ewro-xettiċi u dwar kandidat Malti li qal li Malta kienet tmur aħjar kieku ma ssieħbitx mal-Unjoni Ewropea, Schulz enfasizza s-suċċess li għamlet Malta fl-Unjoni Ewropea. maltarightnow.com saqsih din il-mistoqsija fid-dawl tal-artiklu ta’ opinjoni fil-gazzetta il-mument mill-eks Prim Ministru u kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant. Ftit tal-ġranet ilu, Sant kiteb li d-deċiżjoni li Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea kienet konferma ta’ kif dan il-kurrent favur sħubija baqa’ l-ħsieb tal-maġġoranza f’pajjiżna. Żied li ħaġa bħal din tnikktu għax dejjem emmen li Malta setgħet u messha, tkun indipendenti tassew.

Dwar persuni bħal Alfred Sant, Martin Schulz għandu messaġġ ċar. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Malti u l-Kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea tkellmu dwar it-temi diskussi f’laqgħa privata li kellhom is-Sibt filgħodu.

Martin Schulz qal li jekk ikun elett President tal-Kummissjoni Ewropea kien se jaħdem għall-policy kommuni fuq il-migrazzjoni li tenfasizza s-solidarjetà fl-immigrazzjoni regolari mill-pajjiżi kollha. Dwar dan, Joseph Muscat qal li filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha policies saħansitra fuq id-daqs ta’ xi frott, m’għandix politika komuni fuq il-migrazzjoni.

Martin Schulz qal ukoll li se jaħdem biex in-nies jerġa jkollhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea u qal li se jaħdem biex jiġi indirizzat l-qgħad b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, Joseph Muscat u Martin Schulz indirizzaw attività politika tal-Partit Laburista f’Raħal Ġdid. Huma reġgħu tkellmu fuq l-immigrazzjoni u l-ekonomija Ewropea. U filwaqt li Joseph Muscat, ftit tax-xhur ilu ried jimplimenta l-politika tal-push backs, fl-attività politika tas-Sibt Martin Schulz għamel messaġġ qawwi dwar l-aspett uman tal-immigrazzjoni irregolari. Hu qal li ma nistgħux nagħtu dahrna lill-immigranti rregolari u sostna li kull ħajja li tintilef fl-ibħra tagħna ttappan iċ-ċivilizazzjoni Ewropea.