Minkejja li l-Qorti sabet lill-eks kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer ħati u kkundannatu sentejn ħabs fuq abbuż tal-privatezza ta’ eks sieħeb tiegħu u li xerred ritratti privati tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jiddefendih u jirringrazzjah tal-ħidma politika tiegħu.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru, Joseph Muscat u mill-Kandidat tas-Soċjalisti Ewropej għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, Martin Schulz, fil-Berġa ta’ Kastilja, is-Sibt filgħodu, Muscat kien mistoqsi dwar il-każ ta’ Cyrus Engerer. Mistoqsi għaliex dawwar persuna ħatja f’eroj u jekk jikkundannax l-aġir ta’ Cyrus Engerer li nstab ħati li xerred materjal pornografiku, Muscat kellu kliem ta’ tifħir għall-ħidma ta’ Engerer fid-drittijiet ta’ persuni LGBT. Hu reġa implika li fil-każ ta’ Engerer kien hemm persekuzzjoni politika filwaqt li rringrazzjah tal-ħidma tiegħu fil-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru Muscat ħarab milli jwieġeb għal mistoqsija ta’ maltarightnow.com fuq jekk kienx konxju li Cyrus Engerer kellu każ kriminali pendenti fil-Qorti tal-Appell meta ġie approvat bħala kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Għal din il-mistoqsija, Joseph Muscat la kkonferma u lanqas ċaħad li hu kien konxju tal-każ kriminali pendenti ta’ Engerer u minflok qal li l-Gvern jirrispetta l-ħidma tal-istituzzjonijiet.
Minkejja li l-PL qed jagħmel eloġju lil Cyrus Engerer u jipproġettah bħala vittma, fir-realtà fis-sentenza tal-qorti hu spjegat ċar kif Cyrus Engerer kien l-aggressur li wettaq strateġija kif jattakka vittma. Dwar dan ikkummenta l-Avukat Joe Gilgio s-Sibt filgħodu waqt il-programm il-Fatti Kollha fuq Radio 101.
Propju ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista jinsab iffaċċjat bi kriżi li fiha l-Prim Ministru Joseph Muscat qed juri li mhux se jieħu passi kontra kriminal sentenzjat mill-qorti iżda glorifikat mill-Partit Laburista.
//= $special ?>