Għal sena oħra s-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar f’pajjiżna fakkret ir-Red Cross International Day li tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Mejju b’numru ta’ attivitajiet fi Pjazza Tigne – ġurnata li tfakkar il-ħidma tas-Soċjetà f’148 pajjiż u seba’ miljun voluntier, li 400 huma f’pajjiżna.
Membri tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar taw dimostrazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar bil-kollaborazzjoni tal-armata. Dawk li attendew setgħu jiltaqgħu wkoll mal-voluntiera tas-Soċjetà li jaħdmu f’oqsma differenti tas-Soċjetà, inkluż sezzjoni ta’ voluntieri li jżuru lill-anzjani u jqattgħu ħin jisimgħu l-esperjenzi u l-ħsibijiet tagħhom u sezzjoni oħra li taħdem fost l-immigranti.
Dan minbarra li Pjazza Tigne ntramat bil-vetturi tas-Soċjetà li llum-il ġurnata għandha ħames ambulanzi u numru ta’ vetturi oħra ta’ tipi differenti li jgħinu lils-soċjetà Maltija b’ħidmiet differenti.
Is-Soċjetà topera wkoll karozza tal-linja li ġiet konvertita f’Mobile Clinic mgħammra b’apparat mediku tal-aqwa kwalità. Din tintuża f’avvenimenti kbar fejn membri tat-tim mediku tal-Isptar Mater Dei jużawha biex jassistu lil dawk fil-bżonn u b’hekk jittaffa l-piż fuq l-Isptar Mater Dei.
Imma l-ħidma tas-Soċjetà f’pajjiżna mhix biss assistenza f’każ ta’ xi inċident jew diżastru imma hi ħidma ma’ taqta’ xejn li tibbaża wkoll fuq il-prekawzjoni u t-tagħlim.
Filfatt, is-Soċjetà f’pajjiżna toffri l-kors tal-ewwel għajnuna lil elf persuna fis-sena, lil 5,000 student u studenta li jispiċċaw is-sekondarja.
//= $special ?>
