L-enerġija sostenibbli kienet fiċ-ċentru ta’ numru ta’ proġetti mtella’ mill-istudenti tal-iskola St Francis tar-Rabat Għawdex.
L-użu għaqli tal-ilma u tal-elettriku kien it-tema prinċipali tal-attivitajiet marbuta mal-Eko-Skola matul din is-sena skolastika.
L-istudenti ħadmu mudelli ta’ kif jista’ jkun iffrankat l-ilma bħal mudell ta’ shower minflok banju. Meta kienet imfakkra Earth Day intefa’ d-dawl tal-iskola għal siegħa u kienu ffrankati 13% tal-elettriku.
F’ħafna mill-attivitajiet fl-iskola sar użu minn materjal riċiklat – minn tokens lill-istudenti magħmula minn materjal riċiklat waqt l-Isports Day sa mudelli magħmula minn affarijiet riċiklati bħal karru tal-karnival magħmul kollu kemm hu minn materjal riċiklat.
Dawn il-mudelli kienu esebiti waqt attività li saret fl-iskola ftit ilu, u li kienet tiffoka fuq il-ħidma li saret mill-istudenti bħala parti mill-Proġett Eko-Skola.
L-attività rat ukoll is-sehem tal-Ministru għal Għawdex, kif ukoll ta’ 2 Sindki u Viċi Sindku ta’ 3 lokalitajiet Għawdxin li huma wkoll missirijiet ta’ tfal li jattendu din l-iskola tal-Knisja. Huma spjegaw kif uliedhom tkellmu magħhom dwar il-proġetti ekoloġiċi li kienu qed isiru fl-iskola u dwar kif inizjattivi bħal dawn qed jittieħdu wkoll fuq livell lokali f’Għawdex.
Il-ħidma tat-tfal tal-iskola St Francis infirxet ukoll fuq livell usa wara li l-istudenti ħadu sehem fl-inizjattiva Clean Up fiċ-Ċittadella.
L-istudenti pparteċipaw ukoll f’żewġ kompetizzjonijiet – waħda marbuta mas-Saħħa u s-Sigurtà miftuħa għall-iskejjel kollha f’Għawdex u l-oħra kompetizzjoni organizzata mill-NSTF dwar proġetti tax-Xjenza.
//= $special ?>