Malta temmet l-impenji tagħha fi Grupp A ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat ewropew ta’ taħt id-19-il sena b’rebħa fuq ir-Renju Unit 11-8, biex bis-saħħa ta’ din ir-rebħa Malta spiċċat fil-ħames post. Malta kienet diġa’ lagħbet kontra r-Renju Unit fl-ewwel logħba, fejn l-iskor kien spiċċa 6-6.
Kienu l-Brittaniċi li fetħu tajjeb fejn rebħu l-ewwel sessjoni 4-3 fejn James Salt skorja hat trick bil-gowl l-ieħor skorjat minn Declan Thompson, filwaqt li għal Malta wieġbu Matteo Cacici u darbtejn Kai Dowling.
Fit-tieni sessjoni Malta dawwru r-riżultat u b’gowls ta’ Nicholas Bugelli, Andreas Galea u Marc Lanzon għamlu l-iskor 6-4, qabel Jordan Elliot reġa’ naqqas l-iskor għall-Brittaniċi.
Fit-tielet sessjoni Ben Plumpton kabbar l-iskor għall-Maltin iżda l-Brittaniċi għamlu l-iskor 7-7 b’gowls ta’ Thompson u Elliot biex kollox kellu jiġi deċiż fl-aħħar sessjoni.
Fl-aħħar sessjoni l-Maltin qamu għall-okkażjoni u skorjaw erba’ gowls konsekuttivi permezz ta’ Sean Xerri De Caro, Matteo Cacici, u doppjetta ta’ Andreas Galea biex il-Maltin prattikament aċċertaw mir-rebħa. Lejn it-tmiem gowl ta’ konsolazzjoni mill-Brittaniċi permezz ta’ Scott Sharpe.
Intlagħbu wkoll iż-żewġ semi finali fejn fl-ewwel semi finali ir-Rumanija għelbu lis-Slovakkja 6-5 f’semi finali ferm missielta, filwaqt li fit-tieni semi finali il-Greċja ddominaw u rebħu faċilment 13-4 kontra l-Ukrajna.
Illum jintemmu dawn il-logħob ta’ kwalifikazzjoni fejn is-Slovakkja u l-Ukrajna jilagħbu għat-tielet u r-raba’ post, filwaqt li wara tintlagħab il-logħba għall-ewwel u t-tieni post bejn il-Greċja u r-Rumanija.
//= $special ?>

