Internazzjonali

Michelle Obama tikkundanna l-ħtif tat-tfajliet Niġerjani

Il-mara tal-President tal-Istati Uniti, Michelle Obama, qalet li l-ħtif tat-tfajliet tal-iskola fin-Niġerja hu parti mill-pjaga ġenerali tat-theddid u l-intimidazzjoni li qegħdin jiffaċċjaw it-tfajliet madwar id-dinja li jixtiequ jedukaw ruħhom.

Intant, il-First Lady Amerikana sostniet li u żewġha, Barack Obama, huma mgħaddbin u mnikkta dwar il-ħtif ta’ ’l fuq minn mitejn tfajla li kien seħħ fl-14 ta’ April li għadda. Dawn it-tfajliet spiċċaw ostaġġ tal-militanti Iżlamiċi tal-grupp Boko Haram li ħatfuhom minn skola u hemm kull probabbiltà li huma jispiċċaw sfurzati f’ħajja ta’ skjavitù.

Michelle Obama esprimiet l-ansjetà tagħha dwar id-destin tat-tfajliet meta għamlet hi d-diskors ta’ darba f’ġimgħa li ssoltu jsir mill-President Amerikan u fis-sigħat qabel l-Istati Uniti u l-kumplament tad-dinja jiċċelebraw Jum l-Omm.

Hi qalet li t-tfajliet ostaġġi jfakkruha f’uliedha stess, filwaqt li enfasizzat li dak li seħħ fin-Niġerja mhux xi każ iżolat, iżda parti minn storja li naraw kuljum waqt li l-bniet u t-tfajliet madwar id-dinja jissugraw ħajjithom biex jirrealizzaw l-ambizzjonijiet.

Michelle Obama, hawnhekk, irreferiet għat-tifla tal-iskola Pakistana, Malala Yousafzai, li kienet sfat aggredita u midruba serjament mill-militanti tat-Taliban (fil-Pakistan) talli tkellmet dwar id-dritt tat-tfajliet li jingħataw edukazzjoni.