Ewropa

Mijiet ta’ żgħażagħ Ewropej ifasslu l-futur tal-UE flimkien; fil-‘Europan Youth Event’

Fil-kumpless tal-Unjoni Ewropea fi Strasburgu kompliet il-European Youth Event, attività fuq skala kbira organizzata mill-Unjoni Ewropea bil-għan li ġġib flimkien mijiet ta’ żgħażagħ minn madwar l-Ewropa, biex mhux biss jiskopru l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll sabiex jagħtu s-sehem tagħhom permezz ta’ involviment f’laqgħat, diskussjonijiet, attivitajiet u workshops fuq temi differenti.

Il-European Youth Event ingħatat bidu nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju, f’Jum l-Ewropa propju b’ċeremonja tal-ftuħ li saret ġewwa l-bini tal-Parlament Ewropew. Din hija l-ewwel edizzjoni tal-‘European Youth Event’, u tintemm il-ħadd b’ċeremonja tal-għeluq.

Mijiet ta’ żgħażagħ minn madwar l-Ewropa, fosthom minn Malta, ingħaqdu għal dawn it-tlett ijiem fejn fihom qed jipparteċipaw f’programm b’għexieren t’attivitajiet li jinkludu laqgħat, seminars, workshops, attivitajiet soċjali u dibattiti bil-għan li ż-żgħażagħ jiġġeneraw idejat, opinjonijiet u saħansitra jfasslu l-aġenda tal-Unjoni Ewropea.

L-atmosfera fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu kienet waħda ħajja, hekk kif dan imtela’ b’mijiet ta’ żgħażagħ, inkluż ħafna Maltin, li kellhom iċ-ċans jiskopru l-bini tal-Parlament Ewropew fil-libertà kollha u mingħajr restrizzjonijiet. Sitwazzjoni differenti mis-soltu, hekk kif normalment il-Parlament Ewropew jintuża darba fix-xahar mill-membri tal-Parlament Ewropew għas-sessjonijiet Plenarji.

Fost l-oqsma li ġew diskussi permezz ta’ workshops li saru kien hemm dawk marbuta mal-qgħad fost iż-żgħażagħ, ir-revoluzzjoni diġitali, il-futur tal-Unjoni Ewropeja, is-sostennibilità u l-valuri Ewropej.

Spikkaw ukoll diversi esebizzjonijiet marbuta mal-Unjoni Ewropea u vantaġġi li din iġġib magħha, fosthom esebizzjoni ‘Ritratt tal-Ġenerazzjoni Ewropea’ minn żagħżugħa li għaqqdet mal-elf ritratt ta’ żgħażagħ Ewropej, bil-għan li timmarka d-diversità fl-identità Ewropea.

L-attivitajiet ma kienux restritti għal ġewwa l-bini tal-Parlament Ewropew u fuq barra tal-bini ġew armati numru ta’ stands u strutturi oħra fejn saru wkoll diversi attivitajiet, b’programm li jinkludi wirjiet minn bands, kunċerti u attivitajiet sportivi.

Għal din l-attività qed jipparteċipaw mal-mitt żagħżugħ u żagħżugħa Maltin.