Lokali

Persuni neqsin mid-dawl urtati

Dawk li jattendu ċ-Ċentru tal-Għomja fi ħdan iċ-Ċentru Ħidma Soċjali f’Santa Venera se jkunu mċaħħda minn diversi servizzi wara numru ta’ deċiżjonijiet drastiċi li ttieħdu dan l-aħħar.

Sorsi li tkellmu ma’ maltarightnow.com fissru kif waħda mid-deċiżjonijiet kienet li dan iċ-Ċentru jieqaf jaħdem mill-post fejn kien – fl-aħħar sular, taħt l-art, fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali.

Sorsi li tkellmu ma’ maltarightnow.com staqsew għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni, biex issa ċ-Ċentru tal-Għomja, mit-22 ta’ Mejju li ġej, se jibda jitħaddem mill-privat u minflok mill-post ċentrali fejn kien, issa se jkun ibbażat f’Ħal Qormi f’nofs żona industrijali fejn jaħdmu diversi panel beaters u sprayers tal-karozzi.

Jidher li d-deċiżjoni li ċ-Ċentru jiġi trasferit lejn post ieħor ittieħdet biex jiġu ffrankati l-flus. Tant li l-istess sorsi qalulna li ċ-Ċentru tal-Għomja f’Santa Venera kien qed jiġi jiswa lill-Gvern madwar €350,000 imma issa li se jgħaddi f’idejn il-privat, l-operat tiegħu se jiġi jiswa €120,000.

Il-persuni neqsin mid-dawl li jiffrekwentaw iċ-Ċentru u li l-età tagħhom tvarja bejn il-50 u l-84 sena, jinsabu urtati ħafna għall-fatt li l-Gvern qisu qed jifrranka l-flus minn fuq dahar l-għomja.

Iċ-Ċentru tal-Għomja kien jitħaddem mill-Aġenzija Sapport u l-Gvern, fil-Baġit għal din is-sena, kien żiedlu l-allokazzjoni finanzjarja. Allura hemm min qed jistaqsi issa, minflok, fejn se jmorru l-flus ivvutati? U għaliex kellhom jeħlu l-persuni neqsin mid-dawl?

Is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li qabel, il-Gvern kien jipprovdi ikla kuljum lil dawk li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ dan iċ-Ċentru, iżda issa din se tinqata’ u minflok, il-klijenti taċ-Ċentru se jibdew jingħataw biss sandwich.

Dan apparti li kieku ma ġġildux għaliha, kieku l-persuni neqsin mid-dawl kienu se jiġu mċaħħda wkoll mill-iskorta ta’ persuna li takkumpanjahom mid-dar sal-vann biex iwassalhom saċ-Ċentru. Barra minn hekk, il-persuni neqsin mid-dawl kienu jgawdu wkoll mis-servizzi tas-support workers – servizzi li kienu ta’ għajnuna kbira partikolarment fit-twassil tal-mediċini mill-Ispiżerija tal-għażla tagħhom. Imma issa anke dawn is-servizzi se jinqatgħulhom.

Servizz ieħor li se jinqata’ hu dak tal-inklużjoni, jew aħjar l-attivitajiet soċjali li l-persuni neqsin mid-dawl kienu jattendu għalihom ma’ persuni oħrajn. U se jinqata’ wkoll is-servizz ta’ għajnuna lill-qraba li jieħdu ħsieb persuni neqsin mid-dawl.

Dan ifisser li l-maġġoranza tas-servizzi li kienu jingħataw dawn il-persuni, se jispiċċaw u dan bl-iskuża li issa l-persuni neqsin mid-dawl, li jiffrekwentaw dan iċ-Ċentru, se jkunu msieħba fi programm ġdid.