Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Għal Joseph Muscat, il-ħażin sar tajjeb fil-każ ta’ Cyrus Engerer

Skandaluż li l-Prim Ministru isostni li għandu l-prinċipji ta’ Cyrus Engerer

Hu skandaluż kif, wara s-sentenza tal-qorti li sabet lil Cyrus Engerer ħati, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat iddikjara li hu għandu l-istess prinċipji tiegħu.

Din id-dikjarzzjoni għamilha l-Viċi-Kap għall-Ħidma tal-PN BepPe Fenech Adami meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrrun. Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg u għaliha attendew il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja u Kevin Plumpton.

Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami qal li dan hu każ skandaluż li fih id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Muscat huma travestija ta’ x’inhu sewwa. Fenech Adami qal li d-dikjarazzjonijiet ta’ Muscat huma tentattiv biex il-ħażin ikun proġettat bħala sewwa u biex is-sewwa jkun ikkunsidrat bħala ħażin. Il-Viċi Kap tal-PN kompla li minkejja s-sentenza ta’ ħabs mogħtija lil Engerer, il-PL poġġa lil Engerer fuq pedestall fejn il-Prim Ministru spiċċa jagħmel eloġju lil persuna kriminali.

Beppe Fenech Adami semma każi fejn bi dritt persuna li tkun liberata mill-qorti tingħata eloġju mistħoqq. Fost dawn hemm Pietru Pawl Busutill li l-Gvern Laburista kien għamillu frame-up iżda kien liberat mill-qrati. Il-Gvern Laburista, sostna Fenech Adami, jaħdem bil-kontra u jagħmel eloġju lil Cyrus Engerer, li hu l-aggressur u li hu l-persuna li wettaq ir-reat u kien kundannat.

Aktar gravi minn hekk, sostna Beppe Fenech Adami, hi d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru meta qal li l-valuri tiegħu huma l-valuri ta’ Cyrus Engerer. Fenech Adami qal li f’dan il-każ hemm ukoll element qawwi ta’ theddid li ma waqafx mar-rapport li għamel il-vittma lill-pulizija. Jirriżulta mill-qorti li anki waqt l-istess kawża l-vittma kien mhedded li Cyrus Engerer għandu iktar ritratti tiegħu.

Quddiem dan kollu, sostna Fenech Adami, il-PL għażel li jpoġġi lil Cyrus Engerer fuq pedestall.

Dwar meta beda l-każ, Beppe Fenech Adami qal li l-każ beda qabel bdiet il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u għalhekk il-Mexxej Laburista kien konxju tiegħu. Minkejja dan, Muscat ħalla lil Engerer ikun nominat bħala kandidat tal-PL għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan sar għaliex fil-verita Engerer hu wieħed mill-preferuti ta’ Muscat, tant li wara l-aħħar elezzjoni kien maħtur konsulent fil-Ministeru għall-Intern ta’ Manuel Mallia u anki fil-Ministeru ta’ Helena Dalli. Dan filwaqt li nħatar Chairman tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-LGBT.

Beppe Fenech Adami qal li dan juri kemm Cyrus Engerer qed jiekol b’aktar minn ħalq wieħed u li minħabba l-pożizzjoni li ħa Muscat, il-poplu issa se jkollu jħallas 150,000 ewro oħra biex jerġgħu jkunu stampati d-dokumenti tal-voti biex jitneħħa isem Cyrus Engerer mil-lista ta’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Din hi sitwazzjoni inaċċettabbli, sostna Beppe Fenech Adami, li nsista li l-PN jemmen li Cyrus Engerer għandu jitkeċċa mill-karigi tiegħu. Dwar il-fatti ta’ dak li seħħ, tkellmet id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg li spjegat kif Engerer kien temm relazzjoni ma’ sieħeb li kellu u li wara din ir-relazzjoni Engerer kien mar fl-appartament fejn huma kienu jgħixu biex jieħu xi affarijiet personali tiegħu. L-eks sieħeb tiegħu ħallih imur waħdu għax ma riedx jiltaqa’ miegħu.

Buttigieg qalet li minflok għamel dan, Engerer ma ħax biss l-affarijiet tiegħu iżda ħa wkoll affarijiet li m’humiex tiegħu fosthom ritratti personali tal-eks-sieħeb tiegħu kif ukoll numru ta’ emails privati tal-eks sieħeb tiegħu. Dan, Cyrus Engerer għamlu billi daħal fil-kompjuter tal-eks sieħeb tiegħu u kkoppja l-oġġetti fuq pen drive.

Dan juri, sostniet Claudette Buttigieg, l-iskop ħażin u ppjanat li kellu Cyrus Engerer flimkien mal-intenzjoni malizzjuża li hu kellu. Minbarra dan, Cyrus Engerer ħoloq email account ieħor biex minnu jibgħat ir-ritratti privati tas-sieħeb tiegħu. Dan billi Cyrus Engerer uża l-kompjuter ta’ ommu, kompjuter ta’ ħabiba tiegħu u kompjuter minn Brussell.

Claudette Buttigeg qalet li mhux minnu li kien hemm kampanja konra Cyrus Engerer għaliex fil-fatt l-appell mill-Avukat Ġenerali sar fl-24 ta’ Ġunju 2013, taħt Gvern Laburista. M’hemmx dubju, sostniet id-Deputat Nazzjonalista, li l-PN m’għandu ebda effett fuq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Dan hu l-persuna li jippreżenta lilu nnfisu bħala ċ-champion tal-komunita LGBT iżda fil-fatt bl-attitudni tiegħu wera li Cyrus Engerer uża l-pożizzjoni tiegħu biex iweġġa’ persuna bl-aktar affarijiet li Engerer stess jaf kemm huma sensittivi għal din il-komunità.

Il-fatti tal-istrateġija ta’ Cyrus Engerer kontra l-eks sieħeb tiegħu huma li:
  1. Cyrus Engerer temm relazzjoni mas-sieħeb li kellu
  2. Mar l-apparatment li l-koppja kellha biex suppost jieħu l-oġġetti personali tiegħu
  3. Daħal fil-kompjuter tal-eks sieħbu u ħadlu ritratti privati u emails personali
  4. Fetaħ email account differenti biex jibgħat ir-ritratti privati minn fuqu
  5. Cyrus Engerer illegalment uża l-kompjuter ta’ ommu, ta’ ħabiba tiegħu u kompjuter fi Brussell biex jibgħat dawn ir-ritratti tal-eks sieħeb lil diversi persuni, inkluż lill-post tax-xogħol fejn l-eks sieħbu kien jaħdem

Il-Partit Laburista jrid jiżvija l-attenzjoni tal-pubbliku minn fuq l-iżball politiku ta’ Joseph Muscat

Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija bi dritt għar-risposta maħruġa mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li b’referenza għall-istorja riċiklata li l-Partit Laburista qed irewwaħ fil-konfront tiegħu, f’attentat biex jipprova jiġġustifika l-pożizzjoni ta’ kandidat tiegħu li weħel sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża.

Claudio Grech qal li Joseph Muscat u l-Partit Laburista qed jipprovaw iħammġuh għax jimpurtahom biss li jiżvijaw l-attenzjoni tal-pubbliku minn sitwazzjoni li kixfet kemm, b’mod żbaljat, jippreferi jagħżel il-ħażin mit-tajjeb.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat qed iwaqqa’ l-politika fl-aktar livelli baxxi għall-gwadann politiku tiegħu u dak li l-Labour qed jipprova jgħatti xturu bih m’hu xejn għajr każ minuri ta’ kważi 20 sena ilu, u li fuq kollox ma kellu l-ebda konsegwenza, la fil-konfront ta’ Grech personali u wisq anqas fil-konfront ta’ terzi persuni. Tant kien ċar li ma kien hemm l-ebda intenzjoni ħażina li Claudio Grech kien liberat b’kundizzjoni (conditional discharge).

L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li dak li seħħ kważi 20 sena ilu bl-ebda mod ma jiġġustifika l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat li jpoġġi lil Cyrus Engerer fuq pedestall biex jaqleb il-verità rasha ’l isfel.

“Din hija d-differenza ċara fl-istandards bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Inħalli f’idejn il-pubbliku biex jagħmel il-ġudizzju tiegħu fuq l-imġiba u l-ħidma politika tiegħi” ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.