Internazzjonali

Twissija lir-Russja

Il-Ġermanja u Franza heddew li r-Russja se tispiċċa suġġetta għal aktar sanzjonijiet f’każ li ma ssirx l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Ukrajna, li hi programmata għall-25 ta’ Mejju.

L-istqarrija tindika l-livell tat-tensjoni għoli bejn il-Punent u r-Russja – bil-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, u l-President Franċiż, Francois Hollande, joħorġu stqarrija konġunta biex jesprimu t-tħassib dwar iċ-ċirkostanzi li kapaċi jkomplu jtellfu l-istabbiltà tal-Ukrajna.

Intant, Merkel u Hollande fissru l-eżerċizzji tar-referendum li s-separatisti fir-reġjuni Ukreni tal-Lvant qegħdin iħejju għallum bħala ‘illegali’. Huma ħeġġew ukoll biex ir-Russja tnaqqas mill-eluf kbar tat-truppi li qed jinġemgħu mal-fruntiera tal-Ukrajna.

Il-voti speċifiċi se jsiru fir-reġjuni ta’ Donetsk u Lugansk u minkejja li l-President Russu, Vladimir Putin, ħeġġeġ lill-organizzaturi separatisti biex jipposponuhom. Il-votanti tal-inħawi se jkunu mitluba jekk jappoġġjawx it-twaqqif ta’ ‘Repubblika tal-Poplu’ fl-Ukrajna tal-Lvant u fost l-inkwiet tal-Punent li dan l-eżerċizzju għandu jwitti t-triq għall-inkorporazzjoni tar-reġjuni mar-Russja – l-istess bħal fil-każ riċenti tal-Krimea.