Lokali

L-Awstrija tirbaħ il-Eurovision … Malta tispiċċa fit-23 post

[youtube width=”600px” height=”400px”]SaolVEJEjV4[/youtube]

L-Awstrija permezz tal-kanzunetta Rise Like a Phoenix, kantata minn Conchita Wurst rebħet il-Eurovision Song Contest 2014 sabiex issa, l-Awstrija kisbet id-dritt li tospita l-Eurovision tas-sena d-dieħla. L-Awstrija spiċċat fl-ewwel post b’290 punt, l-Olanda fit-tieni post b’238 punt, filwaqt li l-iSvezja kklassifikat fit-tielet post b’218-il punt.

[youtube width=”600px” height=”400px”]HnNMMlRur9I[/youtube]

Minkejja wirja eċċellenti, il-grupp Malti Firelight ikklassifika fit-23 post meta kiseb 32 punt. Kienu 8 pajjiżi minn 37 pajjiż li taw punti lil Malta: ir-Renju Unit (10), l-Olanda (5), l-Azerbaijan (5), San Marino (4), l-Irlanda (3), il-Finlandja (3), l-Albanija (1) u l-Italja (1).

Il-punti ta’ Malta marru għand: l-Italja (12), l-Awstrija (10), ir-Rumanija (8), l-iSvezja (7), l-Armenja (6), ir-Russja (5), ir-Renju Unit (4), l-iSvizzera (3), in-Norveġja (2) u l-Greċja (1).

Aktar kmieni:

Għajnejn il-Maltin illejla se jkunu fuq dak li se jkun qed iseħħ fil-Kapitali Daniża Kopenhagen hekk kif pajjiżna, permezz tal-grupp Firelight, se jkun wieħed mis-26 pajjiż li se jkun qed jikkompeti biex jieħu miegħu lura d-dar l-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision Song Contest.

Din is-sena hija d-59 edizzjoni ta’ dan il-konkors u t-tielet darba li qed tospitah id-Danimarka wara r-rebħa ta’ Emmelie de Forest is-sena l-oħra. Huwa stmat li madwar 180 miljun ruħ se jkunu qed isegwu dan il-festival.

Il-grupp Firelight se jkun qed ikanta fit-22 post. Dan wara li l-kanzunetta Coming Home kienet waħda mill-10 kanzunetti li ntagħżlu fit-tieni semi finali li saret nhar il-Ħamis.

Ta’ min jgħid li minbarra l-għoxrin kanzunetta li kkwalifikaw wara ż-żewġ semi finali ta’ nhar it-Tlieta u l-Ħamis li għadda, għall-finali tal-lejla jingħaqdu wkoll il-ħamsa l-kbar – l-Ingilterra, Spanja, il-Ġermanja, Franza u l-Italja, kif ukoll id-Danimarka bħala pajjiż organizzatur.

Ta’ min ifakkar li, minbarra l-grupp Firelight, fil-finali tal-lejla diġa’ hemm laqta Maltija hekk kif it-tliet awturi tal-lirika tal-kanzunetta tar-Russja, li kkwalifikat mill-ewwel semifinali, jinkludu wkoll lill-awtur Gerard James Borg.

Sadanittant tħabbar li l-vot Malti għas-serata finali tal-lejla se jinqara mill-mudella Valentina Rossi – wiċċ familjari mat-telespattaturi Maltin tal-Eurovision wara li kienet dehret fil-kartolini li introduċew il-kanzunetti waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta Eurovision Song Contest.

Ritratti: www.eurovision.tv