Lokali

Drittijiet sodi, mhux taċ-chewing gum

L-avvanz tad-drittijiet ta’ kull bniedem hu ta’ liema sess jew orjentament sesswali, hu tajjeb ħafna. Tajba ħafna wkoll il-ġlieda lill-preġudizzji li b’xorti ħażina għadhom jeżistu anke fis-soċjetà tagħna kontra bnedmin minħabba xi karatteristika tagħhom bħall-omosesswalità. Imma l-avvanz tad-drittijiet u l-ġlieda lill-preġudizzju trid issir bis-sod, dejjem u f’kull ċirkostanza. Għax id-dritt tal-bniedem mhuwiex chewing gum li xi ħadd jista’ jigdmu, jġebbdu, jonfħu, imma mbagħad jobżqu.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali fis-sentenza kontra Cyrus Engerer
Nhar il-Ħamis kellna sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali li faqgħet bużżieqa taċ-chewing gum li kienet ilha tintefaħ snin. Dan kien fil-każ kontra Cyrus Engerer, li ilna nisimgħu dwaru mill-2011 meta tfaċċa u li kien ilu għaddej mill-2009 meta l-vittma għamel rapport lill-Pulizija tas-Cyber Crimes Unit.

Cyrus Engerer instab ħati li ħa ritratti mill-computer tal-eks-partner tiegħu meta dan telqu. Dawn ir-ritratti kienu juru lill-vittma f’sitwazzjonijiet kompromettenti u imbarazzanti ma’ rġiel oħrajn. Il-Qorti tal-Appell Kriminali sabet lil Cyrus Engerer ħati li bagħat dawn ir-ritratti lil min kien jimpjega lill-eks-partner u anke lil ħbiebu biex ipattihielu u javvelih magħhom.

Min ippoża li jiġġieled il-preġudizzju, użah biex ipatti u javvelixxi
Din is-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali turi li min ilu diversi snin issa fil-Partit Laburista jippoża taċ-champion li jiġġieled il-preġudizzju kontra l-omosesswali, kien hu stess qed juża dak il-preġudizzju biex ipattiha lill-vittma f’dan il-każ u javvelih ma’ ħbiebu u saħansitra ma’ min jimpjegah.

U għalhekk dan il-każ hu gravi d-doppju. Għax Cyrus Engerer ma nstabx ħati ta’ xi reat li m’għandux x’jaqsam max-xogħol tiegħu jew mal-profil pubbliku tiegħu. Anzi, ir-reat li nstab ħati tiegħu fil-Qorti tal-Appell Kriminali għandu x’jaqsam proprju mal-preġudizzju kontra min hu omosesswali u li f’dal-każ intuża biex il-vittma jaqla’ tpattija u avveliment mal-ħbieb u fl-impjieg.

Joseph Muscat jeħtieġ jerfa’ r-responsabbiltà tal-għażliet ħżiena tiegħu
Hu ċar li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel għażliet ħżiena f’din is-saga kollha u jrid jerfa’ r-responsabbiltà kbira tagħhom. Il-Prim Ministru Muscat laqa’ lil Cyrus Engerer fil-Partit Laburista. Joseph Muscat kellu l-awtobijografija tiegħu miktuba proprju minn Cyrus Enherer qabel l-elezzjoni u ppreżentata b’ħafna pompa. Dan meta kulħadd kien jaf b’dawn l-akkużi kontra Cyrus Engerer fil-Qorti Kriminali li saru fuq rapport tal-vittma stess lill-Pulizija.

F’dawn l-aħħar xhur, Joseph Muscat ta preferenzi kbar lil Cyrus Engerer bħala kandidat għall-elezzjoni ta’ ġimagħtejn oħra. Dan meta Joseph Muscat kien jaf li l-każ kien għadu ma nqatax mill-Qorti tal-Appell Kriminali fejn kien qed jiġi trattat wara l-appell tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika f’Ġunju li għadda meta Joseph Muscat kien diġà fil-gvern.

Cyrus Engerer għandu numru ta’ ħatriet mal-Gvern u mal-Labour
Joseph Muscat jeħtieġ jagħti sinjal ċar li d-drittijiet tal-omosesswali u l-ġlieda lill-preġudizzju mhumiex għall-pożi u d-dehra imma għall-azzjoni qawwija kull meta jkunu mhedda, speċjalment meta jkun qed juża l-preġudizzju min suppost ikun qed jiġġieled kontrih. Cyrus Engerer kellu u għandu numru ta’ impjiegi mal-Gvern Laburista u ħatriet fil-Partit Laburista, ħafna minnhom fil-qasam tal-ġlieda lill-preġudizzju kontra l-omosesswali. Dan meta issa hu ċar li kien qed juża dak l-istess preġudizzju biex ipattiha lill-eks-partner u javvelih.

Ġlieda ġenwina lill-preġudizzju dejjem u f’kull ċirkostanza
Il-ġlieda lill-preġudizzju trid tkun waħda soda, u mhux taċ-chewing gum. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern għamel l-atti ta’ omofobija – atti ta’ mibegħda kontra l-omosesswali – atti kriminali. Kien għalhekk ukoll li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern għamel illegali d-diskriminazzjoni kontra l-omosesswali fuq il-post tax-xogħol. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista għadu kemm ressaq emenda kostituzzjonali fil-liġi suprema tal-pajjiż, li għaddiet b’vot unanimu tal-Parlament f’April u li tneħħi kull diskriminazzjoni kontra l-omosesswali.

Muscat sieket, bla kundanna jew azzjoni kontra min juża l-preġudizzju
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, min-naħa l-oħra, għadu m’għamel l-ebda kundanna għall-użu tal-preġudizzju kontra l-omosesswali minn min suppost kien qed jiġġieled dal-preġudizzju. Li kien għalih, Cyrus Engerer għadu kandidat tiegħu, tant li lanqas biss tkellem dwar dan il-każ gravi f’attività tal-Labour diversi sigħat wara s-sentenza. U rridu naraw x’għamel u x’se jagħmel Muscat fuq il-ħafna ħatriet li Cyrus Engerer għandu mal-Gvern Laburista u mal-Partit Laburista.