Knisja Lokali

Filmat: Id-Dar tal-Kleru tinfetaħ għall-pubbliku fil-50 sena anniversarju

Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ftuħ tad-Dar tal-Kleru u mit-twaqqif tas-Sorijiet Qaddejja taċ-Ċenaklu, saret open day f’din ir-residenza matul il-jum tal-Ħadd.

Din id-dar, li tilqa’ fiha saċerdoti anzjani jew morda li kienu offrew servizzi pastorali fil-parroċċi tagħna, kif ukoll il-komunita’ tas-sorijiet, għandhom fundatur wieħed – Monsinjur Salv Grima, li dejjem fittex il-qdusija u jibqa’ imfakkar ukoll għad-devozzjoni tiegħu lejn l-Ewkaristija.

Fl-open day il-pubbliku apprezza numru ta’ wirjiet, fosthom dwar ħajjet Monsinjur Grima, ir-rwol tas-Sorijiet Qaddejja taċ-Ċenaklu kif ukoll dwar is-saċerdoti residenti u dwar saċerdoti oħrajn li għexu f’din id-dar u llum m’għadhomx magħna.

Id-Dar tal-Kleru fetħet il-bibien tagħha fit-8 ta’ Mejju 1964, wara li sitt snin qabel, grupp ta’ tfajliet iltaqa’ ma’ Dun Salv Grima, il-fundatur ta’ din id-Dar, waqt laqgħat li kien jagħmel fil-Knisja tal-Ispirtu s-Santu, iż-Żejtun.

F’laqgħat regolari, il-fundatur kien beda jiżra f’qalbhom spirtu ta’ mħabba u ta’ għotja. Uħud minn dawn it-tfajliet saru l-ewwel membri li bdew jieħdu ħsieb id-Dar tal-Kleru u lis-saċerdoti li bdew jgħixu fiha.

Illum id-Dar tal-Kleru, li hi mmexxija minn Monsinjur Joe Bugeja, tilqa’ fiha 41 resident u tmien sorijiet li jieħdu ħsiebhom. L-ixjeħ saċerdot, il-Kanonku Ġorg Sciriha, għandu 101.

Id-Dar tal-Kleru timpjega wkoll 56 persuna u, ma’ dawn, grupp ta’ madwar 60 voluntier jiġu jagħtu daqqa t’id matul il-ġimgħa.

Ara l-kummenti ta’ Monsinjur Norrie Bonavia, eks Direttur tad-Dar tal-Kleru fil-filmat ta’ fuq.