Futbol Sport

‘Il-Bundesliga l-aktar titlu importanti li stajt nirbaħ din is-sena’ – Pep Guardiola

FUTBOL – Il-kowċ ta’ Bayern Munich Pep Guardiola qal li l-Bundesliga hu l-aktar titlu importanti li seta’ jirbaħ fl-ewwel sena tiegħu mal-klabb mill-Bavarja. Guardiola ħa post Jupp Heynckes qabel dan l-istaġun u ma’ Bayern rebaħ il-kampjonat f’ħin rekord meta kien għada fadal seba’ partiti.

Madankollu Bayern sfaw umiljati fiċ-Champions League meta ġew eliminati b’aggregate ta’ 5-0 kontra Real Madrid fis-semi finali. Fit-tieni leg Bayern tilfu 4-0 u kienu ħafna li ikkritikaw is-sistema li jilgħab biha Guardiola. Nhar is-Sibt li ġej Bayern jistgħu jagħmlu d-‘Double’ jekk jirbħu fil-finali tat-tazza domestika kontra Borussia Dortmund.

F’kummenti li ta Gaurdiola qal, “Ninsab kburi bl-ewwel staġun tiegħi ma’ Bayern fil-Ġermanja. Forsi għal ħafna t-titlu li rebħu Bayern hu titlu ieħor fost ħafna li rebħu tul l-istorja tagħhom imma għalija hu l-ewwel wieħed f’pajjiż differenti. Li tirbaħ il-kampjonat domestiku dejjem hi l-aktar ħaġa diffiċli għax trid tkun konsistenti ġimgħa wara ġimgħa.”

Wara li Bayern kienu eliminati kontra Real l-eks kowċ ta’ Barcelona kien iddefenda l-istil ta’ logħob li juża magħruf bħala ‘tiki-taka’ u kien qal li hu stil li eventwalment rebaħ bih kemm mal-Katalani kif ukoll ma’ Bayern. Bayern Munich temmew l-impenji tagħhom fil-Bundesliga nhar is-Sibt li għadda b’rebħa ta’ 1-0 kontra Stuttgart.