Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-gazzetti lokali jattakkaw il-pożizzjoni ta’ Muscat dwar Cyrus Engerer

Reat gravi. Omofobiku. Każ li fih, suppost dak li hu ċ-Champion tad-drittijiet tal-persuni gay uza l-preġudizzju kontra l-gays biex jivvendika ruħu mill-eks partner u jweġġgħu billi javvelih ma’ min iħaddmu u ma’ sħabu tax-xogħol għaliex gay.

Dawn huma wħud mid-dikjarazzjonijiet li saru fil-gazzetti tal-Ħadd… hekk kif il-maġġoranza tal-gazzetti ffukaw il-kontenut tagħhom fuq l-istorja ta’ Cyrus Engerer. B’editorjali u artikli li mhux biss jitkellmu dwar is-sentenza tal-Qorti… iżda jattakkaw il-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru meta ddeskriva lil Engerer bħala suldat tal-azzar u, l-għada li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali, ġabu qisu eroj.

Fl-artiklu tiegħu fuq The Malta Independent, il-ġurnalist Noel Grima jagħti l-verżjoni tal-fatti kif ġraw mingħand persuna li rċeviet l-email li bagħat Cyrus Engerer – bir-ritratti tal-eks partner tiegħu. Att li juri kif Engerer ħaseb qabel għamel dak li għamel… att vendikattiv, ta’ mibgħeda.

Muscat għamel ħażin attakka l-ġudikatura, kiteb Noel Grima. Għax jitfagħna lura għall-agħar żminijiet tat-tmeninijiet meta l-ġudikatura kienet taqa’ għall-pressjoni politika.

Noel Grima kien ċar fi kliemu: dan huwa att omofobiku. Att kriminali u ta’ mibegħda. Hu appella biex min hu favur id-drittijiet tal-gays jitkellem dwar dak li għamel Engerer biex ipattiha lill-eks partner tiegħu.

L-artiklu fuq The Malta Independent jattakka wkoll lil Muscat għaliex iddefenda lil Engerer f’dan il-każ. “Tgħid għaliex il-qasma fil-partit qed tikber ħafna aktar milli wieħed jaħseb?” staqsa Noel Grima.

Fl-editorjal tal-istess gazzetta, bit-titlu Soldier of Steel, ukoll issir kritika għal Muscat għaliex iddefenda lil Engerer. Dan l-editorjal jistaqsi wkoll: “il-Prim Ministru qed jakkuża lill-Ministru tal-Ġustizzja tiegħu meta jgħid li dan il-każ huwa motivat politikament?” Dan ghaliex l-appell tressaq f’Ġunju li għadda… jiġifieri taħt Gvern Laburista.

Il-ġurnalist Raphael Vassallo, f’opinjoni fuq il-Maltatoday, attakka l-fatt li minkejja li kien jaf li għadu se jinstema l-appell kontrieh, Cyrus Engerer ħareġ bħala kandidat mal-Partit Laburista. Raphael Vassallo qal li ma jistax jifhem kif Engerer – li ġie akkuzzat b’atti omofobiċi – huwa suldat tal-azzar. Aktar milli suldat tal-azzar, Cyrus Engerer huwa suldat tas-sadid, sostna Raphael Vassallo.

Minn naħa taghha, l-gazzetta il-Mument ippubblikat id-dettalji tal-każ ta’ Engerer u tgħid li s-sentenza turi li min ilu s-snin jippoża li jiġġieled il-preġudizzju kontra l-omosesswali nstabt ħati li uża dak l-istess preġudizzju kontra l-eks maħbub tiegħu. Każ li juri l-inkonsistenza kemm ta’ Cyrus Engerer kif ukoll ta’ Joseph Muscat.

Il-gazzetta The Sunday Times iddedikat kemm l-editorjal kif ukoll il-faċċata ta’ quddiem dwar dan il-każ. Fil-faċċata ta’ quddiem, The Sunday Times ħadet il-kummenti ta’ Engerer innifsu, li reġa’ sostna li hu suldat tal-azzar. Mistoqsi biex jirreaġixxi għat-talba tal-Oppożizzjoni biex jitneħħa mill-karigi li għandu mal-Gvern, Engerer ma kkummetax.

Fl-editorjal, bit-titlu ‘Soldier of Steal’ – bil-kelma steal tirreferi għas-serq – ukoll issir referenza għall-fatt li l-appell tressaq taħt Gvern Laburista. L-editur jgħid li issa, Muscat, wara li ddefenda lil Engerer, għandu jitlob apoloġija wkoll lill-vittma ta’ dan il-każ.

L-argumenti ta’ Muscat ma għamlux sens, kiteb l-editur. Għaliex din mhix kwistjoni ta’ drittijiet ta’ persuni gay… iżda sempliċiment każ kriminali.