Lokali

Il-PN qed ikun it-tarka tan-nies: Simon Busuttil, f’għeluq sena fit-tmexxija

L-Oppożizzjoni qed tkun il-vuċi u t-tarka tan-nies, speċjalment dawk li qed jintlaqtu ħażin mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil f’intervista fl-okkażjoni ta’ għeluq is-sena mill-ħatra tiegħu bħala Kap tal-PN.

Mistoqsi fejn jinsab il-PN sena wara elezzjoni ġenerali u lejliet elezzjoni oħra, Simon Busuttil wieġeb li l-PN reġa’ beda miexi ‘l quddiem iżda dan mhux proġett ta’ sena iżda ta’ ħames snin.

Simon Busuttil qal li f’din is-sena, il-PN irriorganizza l-istrutturi tiegħu, żied oħrajn ġodda bħal Forum Opportunitajiet indaqs. F’din is-sena biddel ukoll l-istatut u beda jindirizza l-isfida finanzjarja. Waqt li kien qed isir dan kollu, il-PN kien ukoll Oppożizzjoni effettiva fuq diversi kwistjonijiet li qamu f’din l-aħħar sena.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-bidliet li għaddejja minnu s-soċjeta’ Maltija li qed issir dejjem iktar individwalista. Simon Busuttil qal li jista’ jkun li meta l-PN kien fil-Gvern, imbotta din it-tip ta’ mentalita’ imma li hu żgur hu li dan il-gvern għamilha suprema. Kollox jista’ jinbiegħ, kollox jista’ jinxtara, kulħadd jista’ jinxtara, kulħadd huwa għall-bejgħ. Saħansitra l-passaport u ċ-ċittadinanza tagħna hija għall-bejgħ.

Sfortunatament, kompla Simon Busuttil, il-Gvern ta’ Joseph Muscat jimbotta mentalita’ differenti li hi egoista tal-“here and now”, li kollox jista’ jinbiegħ u kollox jista’ jinxtara.

Dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ġimgħatejn oħra, il-Kap tal-PN qal li l-PN irid jaħdem kemm jiflaħ biex jeleġġi tliet deputati fil-Parlament Ewropew. Jekk dan iseħħ, ikunu ntbagħtu numru ta’ messaġġi: li fil-Parlament Ewropew ikun hemm is-serħan il-moħħ ta’ tliet membri mill-PN se jkunu ta’ vuċi u tarka għan-nies, li l-PN qam fuq saqajh u li jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.