Is-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali fil-każ importanti ta’ Cyrus Engerer turi li min ilu s-snin jippoża li kien qed jiġġieled il-preġudizzju kontra l-omosesswali nstab ħati li uża dak l-istess preġudizzju kontra l-eks-maħbub tiegħu… il-fatti tal-każ jixhdu li Cyrus Engerer bagħat ritratti tal-eks-maħbub gay tiegħu f’sitwazzjonijiet ‘imbarazzanti’ ma’ rġiel oħrajn… Cyrus Engerer bagħat dawn ir-ritratti lil min jimpjega lill-eks-maħbub tiegħu u lill-kollegi tax-xogħol tiegħu biex javvelih magħhom… min suppost kien qed jiġġieled il-preġudizzju uża dak l-istess preġudizzju biex ipattiha lill-eks-maħbub gay tiegħu
IL-FATTI tal-każ ċelebri ta’ Cyrus Engerer qed joħorġu aktar fil-beraħ il-kontradizzjoni ta’ min suppost kien qed jiġġieled il-preġudizzju kontra l-gays imma li fil-fatt, f’Jannar 2010, uża dak l-istess preġudizzju kontra l-eks-maħbub gay tiegħu.
Dan il-każ jikxef storja li fiha l-ħati mhuwiex biss persuna pubblika imma wkoll personalità ewlenija li fil-ħidma pubblika tiegħu suppost kien qed jiġġieled proprju dak li nstab ħati tiegħu: il-preġudizzju kontra l-omosesswalità.
Il-Partit Laburista u l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jaħdmu ħafna biex jaħbu l-fatti veri ta’ dan il-każ ħalli jiżvijaw l-opinjoni pubblika minn każ ikrah ħafna.
L-atturi u l-azzjonijiet prinċipali tal-każ
IL-VITTMA: il-vittma f’dan il-każ hu l-eks-maħbub ta’ Cyrus Engerer. L-eks-maħbub spiċċa mkażbar u vittimizzat meta l-employer tiegħu u sħabu tax-xogħol irċevew fuq l-email tax-xogħol ritratti ta’ dan l-impjegat f’attività sesswali ma’ rġiel oħrajn.
IR-RAPPORT: il-każ beda b’rapport lill-Pulizija tas-Cyber Crimes Unit mill-vittma stess f’Jannar 2010. Ma kinetx il-Pulizija li bdiet il-każ imma l-vittma.
L-AKKUŻAT: Il-Pulizija interrogaw lil Cyrus Engerer wara r-rapport tal-vittma. Mela Cyrus Engerer kien jaf b’dan il-każ kontrih għal ċertu żmien.
IŻ-ŻMIEN: il-każ kontra Cyrus Engerer beda fl-ewwel qorti f’Lulju 2011. Sal-elezzjoni ġenerali Cyrus Engerer kien għadu jiffaċċja l-akkużi għax il-każ kien għadu ma nqatax mill-ewwel qorti.
IL-PROBABILITÀ: il-Maġistrat fl-ewwel qorti f’Mejju 2013 iddeċidiet li l-probabilità kienet li Cyrus Engerer bagħat ir-ritratti tal-eks-maħbub biex javvelih ma’ sħabu tax-xogħol, imma ma ħassitx li kellha ‘preċiżjoni matematika’.
IT-THEDDIDA : lejn l-aħħar tal-każ fl-ewwel qorti, il-vittma kellu t-theddida li jekk ma kienx se jwaqqa’ l-każ, Cyrus Engerer kellu aktar ritratti x’joħroġ.
L-APPELL : il-Pulizija ma tappellax dejjem. Imma f’dal-każ iddeċidiet li tappella. L-Avukat Ġenerali tar-Repubblika ressaq l-appell fl-24 ta’ Ġunju 2013.
TAĦT DAL-GVERN : l-appell li nqata’ l-Ħamis li għadda beda wara li l-Partit Laburista kien diġà ilu aktar minn tliet xhur fil-gvern. Mela, il-każ li nqata’ l-Ħamis beda fi żmien dal-Gvern Laburista stess.
IS-SENTENZA : Cyrus Engerer ħati li seraq ritratti u indirizzi tal-email mill-computer tal-eks-maħbub, li bagħat lill-employer u lill-kollegi tal-eks-maħbub ir-ritratti li juru lill-eks-maħbub f’relazzjonijiet sesswali ma rġiel oħrajn, u li b’dan każbar, ikkalpesta, ivvittimizza u weġġa’ lill-eks-maħbub.
IL-PIENA : sentejn ħabs sospiżi.
IX-XHIEDA: il-Qorti tal-Appell Kriminali tgħid li kieku kien hemm bżonn ‘preċiżjoni matematika’ kif riedet l-ewwel qorti, kieku ħadd qatt ma jinstab ħati.
L-ENFASI: il-Qorti tal-Appell Kriminali tenfasizza li t-theddida ta’ Cyrus Engerer li kellu aktar ritratti x’joħroġ hi minnha nnifisha prova qawwija tal-ħtija tiegħu.
IL-PREĠUDIZZJU : ir-ritratti li ntbagħtu avvelew lill-vittma mhux għax kienu ritratti ta’ attività sesswali biss imma – ħafna agħar minn hekk – għax kienu juru lill-vittma f’attività sesswali ma’ rġiel oħrajn.
Il-fatti tal-każ kif joħorġu mill-proċess u mis-sentenza tal-Qorti Kriminali
Cyrus Engerer kien il-maħbub tal-vittma u kien jgħix miegħu f’appartament tal-vittma l-Furjana. Fl-appartament, il-vittma kellu computer li ġieli wżah ma’ Cyrus Engerer u li Engerer kien jaf li fih ritratti tal-vittma f’attività sesswali ma’ rġiel oħrajn.
Fil-Milied tal-2009, il-maħbub ta’ Engerer iddeċieda li jtemm ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Cyrus Engerer għamillu diversi xenati imma Engerer kellu jitlaq mill-appartament u mar joqgħod m’ommu.
Fi tmiem il-ġimgħa wara, meta l-vittma kien għal xi jiem Għawdex, ta permess lil Cyrus Engerer biex jidħol fl-appartament ħalli jiġbor il-bqija ta’ ħwejġu. Tah permess jidħol waħdu għax il-vittma ma riedx jiltaqa’ ma’ Engerer.
Waqt li kien fl-appartament, Cyrus Engerer kellu l-ħin u l-opportunità kollha jikkopja bla permess ritratti tal-vittma f’sitwazzjonijiet ‘kompromettenti u imbarazzanti ħafna’ ma’ rġiel oħrajn. Kellu ċ-ċans ukoll jikkopja l-email addresses tal-kollegi tax-xogħol tal-vittma li huma email addresses interni tad-ditta fejn kien jaħdem.
Ir-ritratti kkupjati kienu għand il-vittma biss u allura bilfors ittieħdu mill-computer tiegħu. Cyrus Engerer kien jaf b’dawn ir-ritratti u ħadd aktar ma seta’ ħadhom għax ħadd aktar ma kellu aċċess għall-computer tal-vittma.
Ftit ġranet wara, f’Jannar 2010, min iħaddem lill-vittma u l-kollegi tiegħu tax-xogħol bdew jirċievu emails fuq l-email address intern tal-kumpanija b’dawn ir-ritratti. F’dawn ir-ritratti mkien ma jidher Cyrus Engerer imma jidher il-vittma ma’ rġiel oħrajn. Fl-email kien hemm kliem biex iweġġa’ lill-vittma.
Il-vittma mill-ewwel issuspetta f’Cyrus Engerer. Il-vittma kkonfrontah, imma Engerer ċaħad.
Il-vittma rrapporta l-każ lill-Pulizija tas-Cyber Crimes Unit, li bdew jinvestigaw il-każ fuq dan ir-rapport.
Il-Pulizija sabu li, ftit ġranet wara li Cyrus Engerer kien tħalla jidħol fl-appartament tal-vittma waħdu, kien inħoloq kont tal-email qwertymalta@hotmail.com .
Il-Pulizija sabu li l-emails minn dan il-kont kienu ntbagħtu minn tliet computers: wieħed ta’ omm Cyrus Engerer fl-istess żmien meta kien qed joqgħod magħha, l-ieħor ta’ ħabiba ta’ Cyrus Engerer li ġieli uża l-computer tagħha, u l-computer l-ieħor minn Brussell fl-istess ġranet li Engerer kien Brussell.
Il-Pulizija interrogaw lil Cyrus Engerer li ċaħad l-akkużi imma ammetta li wara li telqu l-eks-partner kien mar joqgħod m’ommu u li f’Jannar 2010 kien żar Brussell.
Fil-25 ta’ Lulju 2011, il-Pulizija ressqu lil Cyrus Engerer il-Qorti.
Cyrus Engerer baqa’ jhedded u jipprova jbeżża’ lill-vittma sal-aħħar tal-proċess fl-2012. Cyrus Engerer qal lill-vittma li jekk ma kienx se jwaqqa’ l-każ, kien se juri aktar ritratti tal-vittma. Cyrus Engerer qallu li l-vittma kien se jiddispjaċih jekk dawn ir-ritratti jidhru għax iġibu mistħija kbira fuqu.
Il-Qorti tal-Maġistrati fl-aħħar ta’ Mejju 2013 skartat il-każ minħabba li ma kienx hemm ‘preċiżjoni matematika’, anke jekk Cyrus Engerer aktarx kien ħati.
L-Avukat Ġenerali tar-Repubblika appella fl-24 ta’ Ġunju 2013.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li kieku bilfors irid ikun hemm ‘preċiżjoni matematika’, kieku ħadd qatt ma jinstab ħati.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li hemm biżżejjed provi li juru li Cyrus Engerer kellu l-mottiv li jpattiha lill-eks-partner u jweġġgħu, ikkopja r-ritratti kompromettenti u l-email addresses meta daħal fl-appartament tal-vittma u bagħathom minn tliet computers differenti li fil-fatt kellu aċċess għalihom.
Dawn huma l-fatti tal-każ li fih il-preġudizzju anti-gay intuża proprju minn min suppost kien qed jiġġieldu. Dan hu każ li juri l-kontradizzjoni kbira ta’ Joseph Muscat u Cyrus Engerer li ilu s-snin jippoża li suppost qed jiġġieled il-preġudizzju anti-gay imma li issa nstab ħati li uża dak l-istess preġudizzju anti-gay biex jagħmel vittma mill-eks-maħbub gay tiegħu billi javvelih mal-prinċipal u sħabu tax-xogħol b’ritratti li fihom jidher f’attività sesswali ma’ rġiel oħrajn.
//= $special ?>

