Internazzjonali

Irrankat il-kampanja b’risq it-tfajliet maħtufa

IN-NIĠERJA – Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, David Cameron, wiegħed li ‘pajjiżu se jagħmel kulma jista’ biex jinstabu ‘l fuq minn mitejn tfajliet tal-iskola li fl-14 ta’ April kienu nħatfu mill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Boko Haram, fl-artijiet tan-Niġerja.

Cameron, issa, ssieħeb mal-Mexxejja u l-personalitajiet magħrufa li qegħdin jappoġġjaw kampanja speċifika fuq il-media soċjali biex dawn it-tfajliet jingħataw il-liberta.

Dan wara l-appell imqanqal, nhar is-Sibt, minn Michelle Obama, il-First Lady tal-Istati Uniti, li fissret kemm hi u żewġha, l-President Barack Obama, huma ansjużi dwar is-sitwazzjoni. Fl-istess ħin, il-Papa Franġisku żied l-appoġġ tiegħu fuq Twitter u ħeġġeġ ‘biex in-nies jitolbu għall-ħelsien immedjat tat-tfajliet Niġerjani’.

Is-slogan ta’ din il-kampanja hu “HASH’** Bring Back Our Girls’ u Cameron, li kien qed jagħti intervista lill-ġurnalista magħrufa tas-CNN, Christiane Amanpour, ‘laqa’ mill-qalb’, l-offerta tagħha biex hu ukoll ikun parti mill-kampanja.

Ir-Renju Unit, intant, qed joffri kull tip ta’ materjal li jgħin lill-awtoritajiet Niġerjani waqt it-tfittxija għat-tfajliet li jistgħu qegħdin jinżammu fl-artijiet remoti tan-Niġerja. Sar ukoll qbil biex il-Britanniċi jibgħatu l-esperti għal kontra t-terroriżmu li għandhom jikkooperaw mal-kollegi Amerikani li huma diġa impenjati f’din it-tfittxija.

David Cameron anki insista rigward l-importanza tal-impenji għal kontra l-estremiżmu fil-kontinenti kollha tad-dinja. Hu, fl-istess ħin, saħaq li l-azzjonijiet ta’ vjolenza mingħajr limitu min-naħa tal-militanti Iżlamiċi m’humiex problema biss għan-Niġerja iżda anki għar-reġjuni l-oħrajn Afrikani u għal dawk tal-Asja u l-Lvant Nofsani.