Internazzjonali

Jinqala’ l-inkwiet ġdid wara l-ftehim

IS-SUDAN T’ISFEL – L-Armata u r-ribelli fis-Sudan t’Isfel qegħdin jakkużaw lil xulxin b’konnessjoni ma’ inċidenti ġodda li seħħew b’abbuż għall-ftehim biex jintemm il-ġlied ta’ bejniethom.

L-inċidenti, fil-fatt, inqalgħu sigħat biss qabel il-ftehim kellu jidħol fis-seħħ, bl-Armata tal-Gvern issostni li r-ribelli kienu attakkaw il-pożizzjonijiet tas-suldati tagħha fil-belt ta’ Bentiu, matul is-sigħat bikrin tal-Ħadd.

Min-naħa tagħhom, ir-ribelli akkużaw lill-Armata talli użat l-artillerija biex tibbumbardja z-zoni tagħhom fl-Istati ta’ Unity u Nil, lejn it-Tramuntana.

Fi tmiem il-ġimgħa, l-President tas-Sudan t’Isfel, Salva Kiir u l-Kap tar-ribelli, Riek Machar, iltaqgħu wiċċ-imb-wiċċ f’Addis Ababa (fl-Etjopja) biex jiffirmaw ftehim li suppost kellu jikkonkludi konflitt li ilu għaddej għal ħames xhur.

Iżda waqt li huma wiegħdu li l-ġlied kellu jieqaf ‘fi żmien 24 siegħa’, l-kelliema għar-ribelli, lbieraħ, ħarġu jixlu lill-President Kiir dwar ‘nuqqas ta’ sinċerita’ u fejn anki sostnew li ‘hu jista’ m’għandux il-kontroll fuq is-suldati tiegħu’.

Mill-banda l-oħra, kelliema għall-militar tal-Gvern Sudaniż qalu li l-qawwiet tagħhom irnexxielhom jitfgħu lura r-ribelli li kienu qed jattakkaw l-inħawi ta’ Bentiu – bis-sorsi indipendenti ma jkunux f’sitwazzjoni fejn setgħu jivverifikaw il-kummenti tan-naħat avversarji.