Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Joseph Muscat “irid jieqaf mill-ipokrezija” – Simon Busuttil

Aġġornata b’filmat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbilta` politika u ma jużax ‘double standards’ u jieqaf mill-ipokrezija. Il-każ ta’ Cyrus Engerer juri d-djufija tal-Prim Ministru li fl-għażla bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, il-Prim Ministru għażel il-ħażin u l-Partit Laburista inħataf ostaġġ minn grupp ta’ nies korrotti. Il-poplu Malti u Għawdxi hu diżgustat minn din it-tip ta’ politika għax il-poplu jixraqlu politika onesta u nadifa, jixraqlu Malta ahjar.

Din id-dikjarazzjoni qawwija saret il-Ħadd filgħodu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attivita` politika fir-Rabat bħala parti mill-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bit-tema ‘Malta Aħjar’. Ħadu sehem ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, Roberta Metsola u David Casa.

Simon Busuttil tkellem fit-tul dwar il-każ ta Cyrus Engerer li kien kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell li xerred pornografija u seraq informazzjoni personali dwar l-eks sieħeb tiegħu u weħel sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiża. Imma l-Prim Ministru għamlu eroj u qal li hu suldat tal-azzar.

Simon Busuttil fakkar li Engerer kien iċ-champion tal-Prim Ministru għad-drittijiet tal-persuni gay, imma wettaq att kriminali kontra persuna gay u dan hu reat omofobiku u juri il-maqlub tal-istampa li qed jipprova juri l-Prim Ministru.

Simon Busuttil staqsa kemm għadha tenibbli l-pożizzjoni ta’ Cyrus Engerer bħala konsulent tal-Gvern fil-Ministeri immexxija minn Manwel Mallia u minn Helena Dalli.

Simon Busuttil appella li fl-24 ta’ Mejju n-nies jistgħu jitkellmu bil-vot tagħhom.

Hu tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista li mill-Oppożizzjoni qed ikun proattiv u qed iressaq proposti konkreti biex ikollna Malta Aħjar. Fost il-proposti semma dawk biex il-Kostituzzjoni tkun emendata ħalli ma tkunx tollerata diskriminazzjoni kontra persuni fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom, fuq bażi tal-persuni b’diżabbilta’ u l-mozzjoni ħalli fil-Kostituzzjoni jiddaħħlu d-drittijiet diġitali.

Francis Zammit Dimech qal li l-gvernnijiet Nazzjonalista dejjem ħolqu x-xogħol, attiraw investiment bħas-servizzi finanzjarji, l-industrija tal-farmaċewtika u tal-avjazzjoni u investew bis-sħiħ fl-edukazzjoni inkluż bil-bini ta’ skola ġdida kull sena li l-Gvern Laburista waqqaf.

Roberta Metsola qalet li f’10 snin ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-pajjiż inbidel u dan wera kemm il-Partit Nazzjonalista kellu raġun jaħdem favur is-sħubija. Fakkret li l-Partit Laburista inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat kienu kontra s-sħubija u bezzgħu lill-poplu Malti. Għalhekk fl-24 ta’ Mejju l-poplu Malti għandu jafda lil dawk li se jmorru fl-Parlament Ewropew biex iġibu iktar xogħol u opportunitajiet lejn pajjiżna.

David Casa fakkar li l-mira tal-Partit Nazjzonalista hi li jtella tliet Deputati fil-Parlament Ewropew u fakkar li fl-10 snin li għaddew iż-żewġ deputati Ewroparlamentari Nazzjonalisti ħadmu favur l-aħjar interess ta’ pajjiżna, inkluż fil-kwistjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija. Issa se jkomplu jaħdmu anke’ biex jaraw li l-ftehim bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza jkun onorat.