Ċifri reċenti tal-Eurostat poġġew lil Malta f’żewġ postijiet aktar ’l isfel f’dak li għandu x’jaqsam il-qgħad, hekk il-persuni bla xogħol qegħdin jiżdiedu kull xahar. Fl-istess waqt, f’dawn l-aħħar 14-il xahar, il-Gvern Laburista ħaseb f’dawk l-aktar viċin tiegħu: kemm tal-qalba kif ukoll tal-familja.
Illum qed niżvelaw numru ta’ ħatriet, ħafna minnhom lanqas biss ħarġu fil-pubbliku, li ngħataw lill-qraba tal-Prim Ministru, tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, ta’ Deputati Laburisti, qraba ta’ uffiċjali Laburisti u qraba ta’ Sindki Laburisti.
Il-Ġimgħa li għaddiet, Joseph Muscat b’pompa kbira ħabbar li kull min juża l-petrol, se jiffranka żewġ ċenteżmi, fl-istess ħin li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi qed tingħata €13,000 fix-xahar waqt li tinsab iċ-Ċina.
L-eżerċizzju li għamel il-mument huwa konservattiv ħafna, u mhux eskluż li hemm aktar qraba ta’ persuni viċin Muscat u l-Gvern tiegħu li qed igawdu minn ħatriet u impjiegi li ngħataw mal-Gvern fl-aħħar 14-il xahar. Laburisti ġenwini għandhom rabja kbira għal dawn il-ħatriet li jmorru kontra l-wegħdiet ta’ Muscat meta qabel l-elezzjoni tkellem favur il-meritokrazija u li Malta se tkun “Tagħna Lkoll”.
Mis-siġra tal-familja li qed tiżvela din il-gazzetta, il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi – Sai Mizzi, u l-mara tad-Deputat Laburista Silvio Schembri – Deandra Schembri mhumiex l-uniċi żewġ qraba ta’ Membri Parlamentari Laburisti jew tal-Kabinett ta’ Muscat, iżda hemm oħrajn li qed igawdu minn ħatriet minn dan il-Gvern.
Il-qraba ta’ dawk viċin jew li huma fil-Gvern Laburista qegħdin jitħallsu għal ħatriet li ngħataw. Dan ifisser li buthom, inkluż ta’ Joseph Muscat innifsu, li kera l-karozza tiegħu lilu nnifsu għal €70,000, qiegħed dejjem jeħxien, fl-istess żmien li aktar nies qed jispiċċaw jirreġistraw għax-xogħol.
//= $special ?>

