Ewropa Lokali

Martin Schulz jinsisti li l-mara għandha dritt għal abort

Il-President tal-Parlament Ewropew u Kandidat tas-Soċjalisti għal elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Martin Schulz, isostni li l-mara għandu jkollha l-jedd għad-deċizjoni fuq drittijiet sesswali u riproduttivi li f’xi pajjizi jinkludu wkoll l-abort.

Hu kien qed jirrispondi mistoqsija ta’ dan is-sit fuq l-opinjoni personali tiegħu dwar l-abort, fil-Berġa ta’ Kastilja, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan is-sit staqsa lil Schulz jgħid x’inhi l-opinjoni tiegħu fuq l-abort hekk kif il-manifest tal-Partit Soċjalista Ewropew approvat f’Marzu li għadha jgħid li għandha tkun assigurata b’mod urġenti l-għażla libera tal-mara u l-aċċess għal drittijiet sesswali u riproduttivi.

Martin Schulz qal li filwaqt li kif kien spjega f’din il-konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Muscat, kull pajjiż ghandu l-jedd jiddeċiedi dwar l-abort, l-opinjoni personali tiegħu hi li ħajtu kollha iġġieled biex il-mara jkollha l-jedd tad-deċiżjoni personali.

Li l-mara jkollha l-jedd tiddetermina hi xi trid tagħmel f’kuntest ta’ drittijiet sesswali u riproduttivi, f’xi pajjiżi barranin, tfisser li jkollha l-jedd tiddeċiedi jekk tridx jew ma tridx tagħmel abort.