Miljun ewro iktar, f’leġislatura waħda.
Dan huwa l-prezz tal-backbenchers tal-Partit Laburista, li minbarra s-salarju tagħhom bħala membri parlamentari, ingħataw pożizzjonijiet mal-Gvern, biex id-dħul tagħhom fis-sena żdied b’medja ta’ €20,000 fis-sena.
Permezz ta’ artiklu li jpoġġi ċ-ċifri iswed fuq l-abjad, The Sunday Times of Malta turi kif kull deputat, għax-xogħol tiegħu fil-Parlament, jirċievi paga ta’ iktar minn €20,000 fis-sena. Iżda għal backbenchers tal-Partit Laburista, din hija biss parti żgħira mill-istorja. Għax minbarra li bħala backbenchers, b’differenza minn membri tal-kabinett, jistgħu jkomplu jaħdmu fix-xogħol privat tagħhom, il-Partit Laburista ħaseb għalihom ukoll b’xogħlijiet mal-gvern.
L-artiklu juri kif l-iżgħar backbencher tal-Partit Laburista, id-deputat Silvio Schembri, huwa dak li jgawdi l-iktar fi dħul, b’iktar minn €65,000 fis-sena, u bi tliet pożizzjonijiet mal-Gvern apparti x-xogħol tiegħu bħala deputat. Meta tqabbel it-total mal-paga ta’ ministru ta’ Malta, Silvio Schembri qed jaqla’ madwar €20,000 aktar minn kull ministru. Fl-aħħar ġimgħa Schembri tpoġġa wkoll bħala Ċermen tar-Responsible Gaming Foundation.
Żewġ backbenchers oħra li għaddejjin tajjeb huma d-deputati Carmelo Abela u Anthony Agius Decelis, b’salarju annwali ta’ madwar €60,000.
L-artiklu jsemmi wkoll lil eks-Ministru Charles Buhagiar, li għalkemm ma ngħatax siġġu fil-kabinett ta’ Muscat, xorta qed jirnexxielu jaqla’ iktar mill-Ministru, bi dħul ta’ madwar €50,000 mix-xogħol tiegħu bħala deputat u bħala Ċermen tal-BICC. U dan minbarra d-dħul li jagħmel mill-kumpanija privata tiegħu bħala perit…
Silvio Parnis jissemma wkoll, hekk kif il-pożizzjoni tiegħu bħala Ċermen tal-Kunsill għan-Nofsinhar ta’ Malta tagħtih €15,000 iktar, fuq dak li jdaħħal bħala deputat.
Jonqos biss erba’ deputati tal-Partit Laburista li s’issa mhux qed jirċievu dħul żejjed fuq ix-xogħol tagħhom bħala membri parlamentari: Karmenu Vella, li ġie nominat bħala Kummissarju Ewropew għal Malta, Charles Mangion, li għadu kemm ġie elett fil-Parlament minflok il-President Marie-Louise Coleiro Preca, Godfrey Farrugia u Franco Mercieca, li għadhom kemm temmew ix-xogħol tagħhom bħala membri fil-kabinett ta’ Muscat.
//= $special ?>

