Futbol Sport

Oscar Guerrero player tax-xahar ta’ April

KAMPJONAT BOV PREMIER – Oscar Dario Guerrero Alvarado ta’ Vittoriosa Stars temm l-istaġun billi rebaħ it-tieni unur konsekuttiv tal-BOV Plejer tax-Xahar.

L-attakkant Kolombjan, li għandu teknika mill-aqwa kien strumentali biex Vittoriosa Stars baqgħu sal-aħħar bl-isfida tagħhom li jżommu posthom fil-Premier, anke jekk fl-aħħar logħba deċiżiva dawn tilfu kontra Naxxar Lions u xorta sfaw relegati.

Guerrero kellu wirjiet mill-aqwa fir-rebħiet li Vittoriosa kisbu fir-raba’ rawnd kontra Floriana, Rabat Ajax u Qormi. F’dawn il-partiti Guerrero sab ix-xibka darbtejn.

B’total ta’ 15-il gowl fil-Kampjonat BOV Premier u żewġ trofej tal-BOV Plejer tax-Xahar, wieħed jista’ jgħid li dan kien staġun ta’ suċċess għal Guerrero li qed jissemma li se jerġa’ jirritorna fix-xena tal-futbol lokali fl-istaġun li ġej.

Joseph Chetcuti, Manager tal-fergħa tal-Bank of Valletta f’Bormla ippreżenta t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal April lil Guerrero.