Internazzjonali Knisja

Rikonoxximent għall-ex-Mexxejja tal-Knisja fi kwistjoni ta’ xhur

IL-BELT TAL-VATIKAN – L-aħbar, fi tmiem il-ġimgħa, li l-Papa Taljan, Pawlu VI, se jqarreb il-qdusija fi kwistjoni ta’ xhur fiha aspett mill-aktar sinifikanti għall-Knisja. Dan meta l-proċess ifisser li l-Papa Franġisku se jkun ħa l-pass kważi mingħajr preċedent li jikkanonizza jew jibbeatifika tlett eks-Mexxejja tal-Kattoliċi, f’perijodu ta’ sitt xhur biss.

Il-Vatikan ikkonferma li l-beatifikazzjoni tal-Papa Pawlu II għandha ssir waqt ċerimonja fil-Vatikan fid-19 ta’ Ottubru.Il-Papa inkwistjoni kien mexxa l-Knisja waqt wieħed mill-akbar perijodi ta’ taqlib fi żmenijiet moderni u fejn kien ukoll protagonista fl-impenn (tal-Knisja) li jipprojbixxi l-kontraċezzjoni artifiċjali għall-Kattoliċi.

Il-proċess ta’ beatifikazzjoni hu t-tielet minn erba miżuri lejn il-konferma ta’ qdusija għal persuna u bl-aħbar dwar il-Papa Pawlu VI toħroġ ġimgħatejn biss wara l-kanonizzazzjoni-doppja tal-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Ġwanni XXIII.

Il-beatifikazzjoni ssir ladarba l-knisja tattribwixxi miraklu għall-intervent ta’ xi kandidat għall-qdusija u wara li jkun sar it-talb min-naħa tad-devoti. Ladarba l-pass ikun konkluż, iridu jivverifikaw miraklu separat biex il-Papa Pawlu VI jiġi ddikjarat qaddis. Dan ukoll wara li l-Papa Franġisku, nhar is-Sibt, approva miraklu li kien dovut għall-intervent ta’ dan il-Mexxej tal-Kattoliċi – imwieled Giovanni Battista Montini u li miet fl-1978, wara Pontifikat li dam għal ħmistax-ll sena.

Il-Papa Pawlu kien elett Papa fl-1963 u kompla bir-riformi li kien beda l-Papa ta’ qablu, Ġwanni XXIII, fejn, fost oħrajn, kiteb xejn anqas minn seba enċikliċi.

Il-miraklu attribwit lilu seħħ fis-snin disgħin u kien jikkonċerna mara tqila, residenti ta’ California, u li skont it-tobba kellha ċans kbir li titlef it-tarbija fil-ġuf. Kien hemm ukoll il-possibbilta kbira li t-tarbija titwieled bid-difetti serji u t-tobba kienu ħeġġew biex il-mara tagħmel abort. Madankollu, hi ħadet il-parir ta’ soru u offriet it-talb lill-mibki Papa Pawlu VI – bir-riżultat li hi welldet it-tarbija mingħajr problemi jew kumplikazzjonijiet.

Kumitat tal-Vatikan iddeċieda li dan il-każ ma kellux xi spjegazzjoni medika u issa l-beatifikazzjoni tal-Papa Pawlu VI għandha ssir f’Ottubru, fi żmien meta l-Isqfijiet minn madwar id-dinja jikkonkludu Sinodu tal-Vatikan fejn se jiddiskutu l-impatt tat-tagħlim Kattoliku fuq il-ħajja tal-familja.

L-Isqfijiet, fil-fatt, se jiddiskutu r-riżultati ta’ stħarriġ globali li kkummissjona l-Papa Franġisku u li jiżvela l-elementi tat-tagħlim tal-Knisja rigward is-sesswalita tal-bniedem li qed ikunu segwiti l-aktar mill-Kattoliċi ta’ żmenijietna.