Internazzjonali

Thedded lill-UE rigward l-immigranti

IL-LIBJA – Il-Ministru tal-Intern Libjan, Salah Mazek, wissa li l-Gvern tiegħu jista’ ‘jiffaċilita’ l-movimenti tan-nies li qegħdin jippruvaw jidħlu fl-Ewropa bil-mezzi illegali, u dment li l-Unjoni Ewropea ma tgħinx biex Tripli tikkumbatti l-problema tal-immigrazzjoni.

‘Qiegħed inwissi lid-dinja u lill-Unjoni Ewropea b’mod partikolari li l-Libja għandha tassumi pożizzjoni li kapaċi tippermetti biex l-Ewropa tispiċċa ‘mgħarrqa’ bl-immigranti. Dan f’każ li l-Ewropej ma jaqsumx magħna (l-Libjani) l-piż tar-responsabbilta fejn tidħol l-immigrazzjoni illegali’, tenna Mazek hu u jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.

Mazek, li ngħata d-dekasteru tal-Intern fuq bażi temporanja, kompla li pajjiżu jista’ jagħmilha eħfef biex ‘il-gelgul tal-immigranti’ jgħaddu mit-territorju tiegħu. Hu tenna wkoll li l-Libja qed ‘issofri’ minħabba li eluf ta’ Afrikani li ġejjin mir-reġjuni ta’ taħt is-Sahara spiċċaw iferrxu l-mard, il-kriminalita u d-droga f’artijietha. Il-Ministru mbagħad wissa li ‘issa jmiss li l-Ewropa tħallas l-istess prezz li kellha tħallas il-Libja’.

Il-Libja ilha s-snin tintuża bħala ‘bażi’ minfejn l-immigranti illegali – bl-għajnuna tat-traffikanti tal-bnedmin – qed jitilqu bid-dgħajjes lejn l-Ewropa u fejn ikunu qed jissugraw ħajjithom fl-ibħra tal-Mediterran. Hu minnu wkoll li kull sena, mijiet ta’ immigranti, jispiċċaw imutu waqt dawn il-vjaġġi perikolużi.