L-UKRAJNA – Is-separatisti favur ir-Russja fir-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk u Luhansk organizzaw żewġ eżerċizzji ta’ referendum ‘għall-awtonomija’. Il-votazzjoni saret bi sfida għall-Gvern tal-Ukrajna u fost il-kundanna tal-Punent< bil-korrispondenti barranin fl-inħawi tal-votazzjoni jirrappurtaw dwar ‘xeni ta’ kaos’ u nuqqas preokkupanti ta’ reġistri tal-votanti.
Intant, is-separatisti li ddikjaraw ruħhom ‘Mexxejja’ fir-reġjuni inkwistjoni, qegħdin jippersistu b’dan il-vot, u minkejja li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, kien ħeġġiġhom biex jipposponu l-proċessi.
Il-votanti kellhom iwieġbu biss ‘iva’ jew ‘le’ għad-domanda li dehret fuq id-dokumenti tal-vot rispettivi u biex jesprimu jekk huma ‘jappoġġjawx l-azzjoni għall-Istati awtonomi bl-isem ‘Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk’ u ‘Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk”.
Min-naħa tagħha, l-Ukrajna kkundannat il-vot bħala ‘farsa kriminali li organizzat ir-Russja’ u meta fl-aħħar sigħat kompliet il-vjolenza – fost rapporti ta’ ġlied bejn is-separatisti u l-qawwiet tal-Gvern Ukren, fl-inħawi ta’ Sloviansk.
Fl-aħħar żviluppi, kap tal-iskola li hi favur Ukrajna magħquda qalet li rċeviet theddid kontra ħajjitha wara li hi ma ħallietx is-separatisti jużaw l-iskola tagħha bħala ċentru għall-votazzjoni. Mifhum ukoll li ħafna mid-dettalji meħtieġa għal proċess tal-vot xieraq kienu qed jiġu injorati fiż-żewġ reġjuni.
Madankollu, l-organizzaturi tar-referenda qegħdin iwittu t-triq għal tieni round ta’ votazzjoni fit-18 ta’ Mejju u fejn l-issue se tinvolvi l-isħubija ta’ dawn ir-reġjuni mar-Russja. Dan meta l-Mexxejja separatisti qegħdin jaħsbu wkoll biex jibbojkottjaw l-elezzjonijiet għall-Presidenza tal-Ukrajna li jridu jsiru fil-25 ta’ Mejju.
Il-President proviżorju tal-Ukrajna, Olexandr Turchynov, ammetta li ħafna mir-residenti fl-Ukrajna tal-Lvant jappoġġjaw lill-militanti ‘favur Moska’, iżda wissa wkoll li r-referenda jridu jitqiesu bħala ‘pass eqreb l-abbiss’
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huma assolutament kontra l-votazzjoni tas-separatisti Ukreni, fost il-biża’ li l-Ukrajna kapaċi qed tavviċina gwerra ċivili totali.
Stħarriġ tal-Pew Research Centre, intant, jissuġġerixxi li l-maġġoranza assoluta tar-residenti Ukreni – inkluż il-poplu fl-Ukrajna tal-Lvant – iridu li l-pajjiż jibqa’ magħqud u minkejja li huma mħassbin dwar it-tmexxija attwali fi Kiev.
Sadanittant, ir-riżultati tal-aħħar referenda (ladarba joħorġu) għandhom ikunu analizzati bil-kawtela, speċjalment wara l-vot li sar ġimgħat ilu fil-Krimea u li wassal biex din il-peniżola tkun inkorporata bħala parti mir-Russja.
Hu minnu wkoll li r-Russja qed iżżomm l-għexieren tal-eluf tat-truppi qrib il-fruntiera komuni mal-Ukrajna, iżda l-Uffiċjali f’Moska qalu li m’għandhom l-ebda intenzjoni għal xi invażjoni tat-territorju Ukren.
//= $special ?>

