Żagħżugħ ta’ 22 sena sofra xi feriti wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Gudja. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.45am, meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu, tat-tip Citroen, fi Triq l-Avjazzjoni.
Jirriżulta li l-inċident seħħ hekk kif il-vettura skidjat, possibbilment kawża ta’ ammont sostanzjali ta’ żrar li kien jinsab fil-liwja tat-triq. Fil-post waslet Ambulanza, li Ħadet lis-sewwieq l-Isptar Mater Dei għall-kura minhabba l-feriti gravi li sofra.
Sadanittant, f’inċident separat, anzjan ta’ 63 sena ddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li kien involut f’ħabta bejn erba’ karozzi fi Triq is-Sebh f’Ħal Qormi. L-inċident, fil-bypass tal-Imrieħel, seħħ għall-ħabta tal-9.45am meta għal xi raġuni l-vetturi tat-tip Fiat Punto li kienet qed tinstaq mill-anzjan, Toyota Corolla, Renault Clio u Toyota Prius baqgħu deħlin f’xulxin.
Fil-post waslet Ambulanza, li ħadet lill-anzjan l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri biss minn feriti ħfief kawża ta’ skoss li ħa mal-impatt tal-inċident. Is-sewwieqa l-oħra ma kellhomx bżonn assistenza medika.
//= $special ?>

