Id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli fakkret kif twaqqfet l-Unjoni Ewropea, oriġinarjament għaqda dwar in-negozju tal-faħam u l-azzar li sussegwentement żviluppat f’komunita ekonomika, jew suq komuni u issa f’unjoni. Iżda sa mill-oriġini tagħha, il-ħsieb kien li l-pajjiżi ewropej jingħaqdu biex ikattru l-ġid u mhux biex joqtlu lil xulxin bil-gwerer.
Marthese Portelli, li kienet qed titkellem fil-Parlament biex jitfakkar Jum l-Ewropa, qalet li pajjiżna bbenefika minn fondi ta’ iżjed minn 2.3 biljun ewro kif ukoll opportunitajiet u titjib fil-kwalita’ tal-ħajja. Sħubija fl-UE għenet biex jinħoloq aktar xogħol u opprtunitajiet ta’ impjiegi. B’fondi amministrati mill-Malta Enterprise kien hemm total ta’ 570 kumpanija li bejniethom ibbenefikaw minn total ta’ 35 miljun ewro li ssarfu f’investiment ta’ 78 miljun ewro.
B’fondi amministrati mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, ibbenefikaw 2,540 impjegat u 1,064 persuna li tħaddem. Minn fondi ddedikati lis-settur turistiku b’għaxar miljun ewro f’erba’ sejħiet separati ġew approvati ‘l fuq minn 100 proġett.
Marthese Portelli qalet li l-Ewropa tmur ‘il hinn minn hekk. L-Ewropa tirrappreżenta l-idea tad-dinjita’, tad-drittijiet, tal-liberta’, tad-demokrazija u tal-ugwaljanza. L-idea tas-solidarjeta’, l-inkużjoni, tal-ġustizzja, tal-liġijiet indaqs għal kulħadd tal-pluraliżmu, tal-paċi, tal-ħarsien u tal-għaqda.
Marthese Portelli qalet li l-Maltin għarfu li fl-għaqda hemm is-saħħa. Il-Maltin huma kburin li huma ewropej kif ikkonfermat minn stħarriġ li wera li 75 fil-mija tal-popolazzjoni jħossuhom ewropej.
“Aħna rridu nkunu l-katalisti għall-Ewropa Aħjar, għal Malta aħjar,” qalet Marthese Portelli. Malta bbenfikat bis-sħiħ mis-sħubija fl-UE u tista’ tkompli tibbenefika jekk il-pajjiż jgħaraf jimxi b’għaqal u serjeta’. “L-Ewropa hi aħna, mhux aħna u huma. Aħna Maltin. Aħna Ewropej.”
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li tajjeb li jitfakkar dan il-jum għaliex jagħti opportunita’ li tkun imfakkra l-importanza tal-Unjoni Ewropea, id-difiża tad-drittijiet individwali, tad-demokrazija u tar-rule of law.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-kelma li tintuża llum u abbużata hi l-kelma solidarjeta’. Ġranet bħal dawn jaslu biex infakkru l-avveniment li jkun sar iżda għandna nħarsu lejn il-futur. L-UE għandha tħares aktar lejn is-sussidjarjeta’ u Malta għandha tinsisti biex ma jkunx hemm politika ta’ one size fits all.
Ian Borg qal li tajjeb li jitpoġġew l-objettivi tal-viżjoni 2020. Għandu jsir ukoll sforz biex inqas studenti jitilqu mill-istudji ta’ eta’ żgħira. Hu enfasizza li l-poplu għandu jifhem li l-UE hu l-poplu u mhux Brussell li jiddeċiedi.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-opportunita’ ta’ Malta li tippresiedi l-Kunsill tal-Ministri se tkun opportunita’ għall-għaqda nazzjonali u opportunita’ għaż-żgħażagħ biex jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-UE.
//= $special ?>