Lokali

Bil-każ ta’ Engerer, il-Gvern ikompli jagħżel il-ħażin minflok is-sewwa

Bl-insistenza tagħha li żżomm lil Cyrus Engerer bħala konsulent ewlieni dwar id-drittijiet civili u persuni LGBT fil-Ministeru tagħha, il-Ministru Helena Dalli qed turi li, bħall-Prim Ministru Muscat, m’għandhiex il-kuraġġ morali li tieħu deċiżjoni bbażata fuq is-sewwa meta dan ikun jinvolvi wieħed minn tal-qalba.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn tenna li bħal Prim Ministru Muscat, il-Ministru Helena Dalli mhix qiegħda tifhem li bis-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali, Cyrus Engerer issa għandu kunflitt dirett bejn ir-reat kriminali li wettaq u l-konsulenza li qed jagħti lill-Gvern. Dan huwa nuqqas politiku gravi li jixhed li l-Gvern tilef il-boxxla morali tiegħu u qed jippersisti li jagħżel il-ħażin minflok is-sewwa, stqarr il-Partit Nazzjonalista.

Cyrus Engerer, iċ-champion ta’ Joseph Muscat għad-drittijiet ta’ persuni gay, huwa l-istess persuna li nstab ħati mill-Qorti ta’ reat kriminali fil-konfront ta’ persuna gay u għalhekk il-pożizzjoni tiegħu ta’ konsulent tal-Gvern, proprju dwar id-drittijiet civili u persuni LGBT, mhix aktar tenibbli.

Cyrus Engerer la hu eroj, wisq anqas huwa vittma, qal il-Partit Nazzjonalista, u wisq u wisq anqas huwa konsulent idonju biex jagħti pariri dwar id-drittijiet civili, wara li hu stess instab ħati li wettaq atti kriminali fil-konfront ta’ persuna omosesswali.

Cyrus Engerer seraq ritratti personali u kompromettenti tal-eks partner tiegħu, mill-kompjuter tad-dar li kien jgħix miegħu fiha, u wara bagħat l-istess ritratti lill-kollegi tax-xogħol tal-partner tiegħu, inkluż lil min impjegah, minn email li ħoloq għal dan il-għan biss, biex javvelih magħhom, temmet tgħid l-istqarrija.