Il-każ ta’ Cyrus Engerer hu wieħed premeditat, vendikattiv u ta’ mibgħeda. Kiteb dan Noel Grima fl-artiklu ta’ opinjoni f’The Malta Independent on Sunday, bit-titlu “It’s not just Cyrus”, li fih jispjega l-fatti tal-każ. Noel Grima beda l-artiklu billi jgħid li kien ftit minuti wara 12am, fl-Ewwel tas-Sena tal-2010 meta intbagħtet email li min irċieviha ħaseb li kienet xi email ta’ awgurju. Madankollu, meta fetħitha sabet li kien fiha materjal pornografiku.
Din il-persuna, li kienet taħdem mal-kumpanija fejn kien impjegat l-eks sieħeb ta’ Cyrus Engerer, indunat li kien hemm kollega tagħha f’dak ir-ritratt u ħassret l-email. Ftit jiem wara, din il-persuna reġgħet irċeviet l-istess email u reġgħet ħassritha. Madankollu, minhabba li bdiet tinkwieta li din l-email tista’ tintbagħat lill-klijenti tal-kumpanija jew lill-mother company barra minn Malta, tqabbad espert biex l-email ma titħalliex tiġi ċċirkolata fis-sistema tal-IT tal-kumpanija.
Iżda meta kien għad fadal li tittieħed azzjoni f’waħda mill-fergħat tal-kumpanija, din l-email reġgħet daħlet fil-fergħa fejn inzerta kien jaħdem l-eks sieħeb ta’ Engerer. Hawn rawha l-kollegi kollha tiegħu u kien f’dan il-punt li l-vittma, jiġifieri l-eks sieħeb ta’ Engerer għamel rapport lill-Pulizija. Għalkemm wara xtaq jirtira l-każ, il-Pulizija kienet fid-dover li tkompli bl-investigazzjoni tagħha.
Noel Grima rrefera wkoll għar-reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat għal dan il-każ. Minkejja li l-Appell infetaħ u ġie deċiż taħt Gvern Laburista, Muscat implika aktar minn darba li dan il-każ kien wieħed ta’ persekuzzjoni politika fil-konfront ta’ Engerer mill-Partit Nazzjonalista.
Iżda kif spjega Noel Grima fl-artiklu tiegħu, bl-aġir tiegħu, Muscat għadda messaġġ li erġajna lura għal żmien it-tmeninijiet, meta l-Ġudikatura kien ikollha tbaxxi rasha għall-pressjonijiet. Grima jgħid li bid-diskors tiegħu, Muscat implika li kien qed jikkundanna lill-Avukat Ġenerali talli appella minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati. Grima kiteb li f’dan il-każ, il-Prim Ministru l-ewwel spara u forsi jaħseb wara.
Hu rrepeta aktar minn darba li l-att kriminali ta’ Engerer kontra l-eks sieħeb tiegħu hu omofobiku. Jgħid li hawn min forsi ħaseb li Engerer instab ħati ta’ reat għax hu omosesswali, iżda fil-fatt hu ħati li hu stess wettaq attakk omofobiku fuq persuna oħra omossesswali. Sostna li dan jibqa’ att ta’ mibgħeda u jibqa’ reat kriminali, għamlu min għamlu. Noel Grima irrefera wkoll għad-dikjarazzjoni ta’ Muscat li Engerer hu suldat tal-azzar. Grima qal li ma jarax kif dan il-każ jagħmel lil Engerer suldat tal-azzar, filwaqt li staqsa x’qed iwassal għad-difiża estrema ta’ Muscat favur Cyrus Engerer, li fi kliemu ma setgħetx kienet instigata biss minħabba li Engerer hu ħabib tal-Prim Ministru u tilef każ tal-Qorti Kriminali tal-Appell.
Ir-raġuni ma setgħetx lanqas kienet li l-PN qed jirreferi għal dan il-każ, sostna Noel Grima, li staqsa jekk ir-reazzjoni tal-Prim Ministru kinitx minħabba li qed tikber xi qasma fil-Partit Laburista u jekk il-Partit Laburista hux qed jinqata’ mill-idea ta’ moviment. Grima temm l-artiklu billi jgħid li nafu li Muscat juża’ tonn aggressiv meta jsib ruħu f’rokna. Iżda f’dan il-każ, ir-raġuni għall-aggressività tiegħu tista’ tkun ġejja minn sors mhux magħruf.
Stħarriġ fuq il-website ta’ The Times of Malta jgħid li l-maġġoranza tal-qarrejja ma jaqblux mad-deċiżjoni tal-PM
Sadanittant, minn stħarriġ fuq is-sit elettroniku ta’ The Times of Malta, li staqsa jekk wieħed jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jiddefendi lil Cyrus Engerer wara li nstab ħati, sa dalgħodu wera li minn madwar 4,200 persuna, 78% ma jaqblux mad-deċiżjoni ta’ Muscat.
Filwaqt li kienu 18% biss li qalu li jaqblu mieghu, 2% qalu li m’għandhomx opinjoni dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru.
//= $special ?>