Fl-ewwel sena biss ta’ Gvern Laburista, numru ta’ Deputati Laburisti se jkunu ngħataw €1 miljun fi ħlasijiet wara li l-istess Gvern li jiffurmaw parti minnu ħatarhom f’bordijiet tiegħu stess mingħajr sejħa pubblika. Id-Deputati Laburisti se jkunu qed jaqsmu bejniethom dan il-€1 miljun, minbarra li kull wieħed minnhom se jżomm l-€20,000 onorarja bħala Deputat.
Dettalji dwar il-mod kif numru ta’ Deputati, attivisti Laburisti u qraba tal-Ministri u d-Deputati tal-Gvern qed jingħataw il-miljuni minn flus il-pooplu, wara li jinħatru f’bordijiet, ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chis Said u mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew u kandidat fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju David Casa u l-kandidat Kevin Plumpton.
Chris Said semma’ diversi każi li fihom Deputati Laburisti tpoġġew f’karigi f’awtoritajiet tal-Gvern u li permezz tagħhom qed jieklu b’aktar minn ħalq wieħed. Hu sostna li Joseph Muscat kiser bil-kbir il-wegħda tal-meritokrazija u l-wegħda elettorali li l-persuni fuq il-bordijiet tal-Gvern kellhom jinħatru permezz ta’ sejħa pubblika. Jirriżulta li fl-aħħar sena l-Gvern Laburista daħħal 1,400 persuna jaħdmu mal-Gvern, li se jiswew lill-poplu madwar €22 miljun aktar. Dan filwaqt li għamel l-akbar Kabinett fl-istorja.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fakkar f’diversi każi ta’ kif pereżempju d-Deputat Laburista Joe Debono Grech inħatar konsulent fil-Gozo Channel biex jara jekk l-Għawdxin jiskartawx. Dan filwaqt li d-Deputat Laburista Luciano Busuttil se jdaħħal €45,000 wara li tpoġġa Chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport. Wieħed mill-akbar skandli hu dak tad-Deputat Laburista Silvio Schembri, li qed jaqla’ madwar €65,000 wara li tpoġġa f’numru ta’ bordijiet u ngħata konsulenzi. Id-Deputat Laburista Silvio Parnis inħatar Chairman ta’ kumitat tal-Kamra u Chairman tal-Kumitat tas-South, filwaqt li Charles Buhagiar se jdaħħal aktar minn €50,000 wara li fost l-oħrajn inħatar konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Ma’ dawn hemm il-membri tal-familja, fejn tispikka l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, li ntbagħtet delegat tal-Gvern fiċ-Ċina b’paga ta’ €13,000 fix-xahar, li tista’ saħansitra tkun aktar hekk kif il-Gvern qed jirrifjuta li jpoġġi l-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istess qed jagħmel dwar il-ħlas li qed jingħata l-eks Segretarju Ġenerali Laburista Jimmy Magro, li ħadd għadu ma jaf id-dettalji tal-kuntratt li ngħata. Ma dawn iridu jiżdiedu wkoll qraba oħra, bħal kuġini ta’ Ministri, aħwa ta’ Deputati Laburisti, nisa ta’ tfal ta’ eks Ministri u anke nisa ta’ Deputati Laburisti, fost oħrajn.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qal li dawn il-pjaċiri lil tal-qalba mill-Gvern Laburista jistonaw maż-2ċ roħs li l-Gvern ħabbar fil-petrol ftit ilu. Wasal iż-żmien li l-affarijiet isiru b’mod ċar għax il-wegħda tal-meritokrazija ilha li ndifnet mill-Prim Ministru Muscat, li tant kien tkellem dwarha qabel l-aħħar elezzjoni.
Sadanittant, bl-iskop li jistaqsi lil Silvio Schembri dwar l-impenji tiegħu fid-diversi bordijiet li kien appuntat fihom u l-konsulenzi li ngħata fl-aħħar sena, MaltaRightNow.com ipprova jieħu r-reazzjoni tad-Deputat Laburista. Madankollu, minflok wieġeb, hu ħarab u nsista li riedna nibgħatulu email.
//= $special ?>