Kuntrast bejn il-mexxejja tal-Partiti politiċi dwar il-każ Cyrus Engerer.
Waqt il-programm Reporter fuq l-istazzjoni nazzjonali, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat iddefenda lil Cyrus Engerer u qal li “din mhux xi ħaġa ta’ barra minn hawn anzi, hi xi ħaġa li hi mistennija min-nies.”
Differenti ghal kollox il-pozizzjoni tal-Kap tal-Opposizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li qal l-PN ikeċċi persuna li tinsab ħatja b’ reat kriminali ta’ din ix-xorta. “Li ma nagħmilx żgur hu li nagħmlu vittma meta hu kien l-aggressur.”
B’Muscat jinsisti li dak li għamel Cyrus Engerer – li xerred ritratti pornografiċi tal-eks sieħeb tiegħu ma’ persuni oħrajn biex ipattihielu talli telqu u javvelih ma’ ħbiebu u anke ma’ min iħaddmu.- mhux reat omofobiku imma “kwistjoni personali bejn żewġ persuni.”
Dwar l-immigrazzjoni, il-PM qal li hu kien dejjem konsistenti filwaqt li Simon Busuttil fakkar kif Joseph Muscat biddel ir-rotta wara li s-sena li għaddiet ipprova jattwa l-politika tal-push backs.
Mistoqsi mill-preżentatur Saviour Balzan dwar il-kuntratt tal-Power Station il-ġdida, Joseph Muscat qal li l-kuntratt se jkun iffirmat dalwaqt izda ftit tal-hin wara qal li diga kien iffirmat u se jkun ippubblikat.
Dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa, il-PM ta x’jifhem li lest jikkampanja sabiex il-kaċċa fir-Rebbiegħa tibqa’. Min-naħa tiegħu, Simon Busuttil jaqbel mal-Koalizzjoni li ġabret il-firem biex ikun hawn referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa li qalet li l-partiti politiċi m’għandhomx jindaħlu f’din il-kwistjoni u n-nies għandhom jitħallew jitkellmu.
Fil-konklużjoni tiegħu, Simon Busuttil appella lill-Joseph Muscat biex jieqaf jikkampanja u jibda jiggverna.
//= $special ?>

