Editorjal

Editorjal: Il-ġlieda lill-preġudizzju kontra min hu gay

Nhar is-Sibt, l-isport l-aktar popolari fl-Amerika, il-football Amerikan fin-National Football League, għażel biex jilgħab għall-ewwel darba fl-istorja player magħruf gay, Michael Sam. U s-Sibt ukoll, fil-Eurovision, Conchita Wurst rebħet fi stqarrija ta’ ħafna pajjiżi li persuni ta’ sesswalità differenti m’għandhom isofru l-ebda preġudizzju.

Stajna anke aħna f’Malta nagħmlu stqarrija kontra l-preġudizzju
Miż-żewġ estremi tal-ispettaklu u ta’ sport maskili, żewġ sinjali tajbin ta’ dinja li twarrbu l-preġudizzju u tikkundannah. U anke f’Malta f’dal-ġranet stajna ngħaqadna biex nuru dispjaċir għal każ li hu ħasra li ġara, u li hu ħasra akbar li għamlu min għamlu. U aktar milli l-ismijiet, irridu naraw dak li verament ġara, u nirraġunaw.

Inqisu dak li ġara tassew, u nirraġunaw
Każ fil-qrati tagħna li fih vittma rrapporta kif l-employer tiegħu u sħabu tax-xogħol – in-nies li jrid jaħdem magħhom sigħat sħaħ kuljum – bdew jirċievu emails b’ritratti tiegħu qiegħed f’atti sesswali ‘kompromettenti u imbarazzanti ħafna’ ma’ rġiel oħrajn.

Ritratti li lagħbu fuq il-preġudizzju kontra min hu gay
Min irċieva dawn ir-ritratti seta’ jifhem malajr li min bagħathom mhux biss ried jagħmel vendikazzjoni, iweġġa’ lill-vittma u javvelih ma’ sħabu tax-xogħol, imma ried ukoll jilgħab fuq l-omofobija, il-preġudizzju kontra min hu gay.

Reat minn min suppost kien qed jara li ma jseħħ qatt u minn ħadd
Min instab ħati ta’ dan ir-reat gravi – reat li qala’ piena ta’ sentejn ħabs sospiżi – mhuwiex biss politiku, imma hu wkoll – u hawn fejn tikber il-gravità – bniedem fil-qasam li suppost jiġġilidlu l-preġudizzju kontra min hu gay, mhux jużah hu.

Il-Prim Ministru seta’ ta sinjal tajjeb ta’ kundanna u azzjoni…
Issa min wettaq ir-reat ħa s-sentenza tal-ħtija u l-piena. Imma hemm ukoll il-mexxejja li jagħtu sinjali importanti lill-pajjiż ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Ewlieni fosthom il-Prim Ministru li seta’ ta sinjal tajjeb ta’ kundanna u azzjoni kontra dak li sar u kontra dak li hu agħar – li min għamlu hu min suppost qed jara li ma jsirx.

… u kien ikun hawn ammirazzjoni għalih
U kien ikun hawn ammirazzjoni għall-Prim Ministru kieku ħa l-azzjonijiet li messu ħa u kkundanna kif messu, għax min wettaq ir-reat qiegħed fil-partit u fil-gvern tiegħu, b’ħatriet propju biex jara li dak li nstab ħati li għamel hu, ma jsirx.

Imma flok ta sinjal tajjeb, waqqa’ lil kull vittma tal-preġudizzju anti-gay
Imma l-Prim Ministru mhux talli ma tax is-sinjal li l-preġudizzju anti-gay irid ikun kundannat u tittieħed azzjoni politika dwaru speċjalment kontra min wettqu meta suppost jara li ma jitwettaqx, talli lil min għamel ir-reat għollieh. U ‘l min waqqa’?

Każ li minnu messu ħareġ sinjal u azzjoni kontra l-preġudizzju
Il-Prim Ministru waqqa’ u weġġa’ mhux biss lill-vittma f’dal-każ, imma wkoll lil kull min bata u jbati l-preġudizzju anti-gay bit-tgħajjir, bl-insulti, bil-messaġġi, bl-emails ta’ jdejn moħbija u mhux li jippruvaw iweġġgħu, ikażbru u jkissru, l-impjieg, il-ħajja.