Qorti

Eġizzjan li sofra persekuzzjoni fuq twemmin jingħata status ta’ refuġjat

Eġizzjan li kien wasal f’Malta fl-2005 b’mod illegali wara li sofra persekuzzjoni minħabba t-twemmin reliġjuż tiegħu, ingħata status ta’ refuġjat mill-Bord tal-Appell tar-Refuġjati.  Ir-refuġjat kien twieled f’Diċembru tal-1981 fl-Eġittu u kien jgħix mal-familja tiegħu fil-villaġġ ta’ Fayoum. Kemm ir-refuġjat kif ukoll il-familja tiegħu, jħaddnu t-twemmin Kristjan ‘Coptic’.

Fis-sena 2000, huwa kien ħalla pajjiżu, u mar il-Libja biex jibda jaħdem ma’ kumpanija bħala mastrudaxxa. Din il-kumpanija kienet tinsab fid-deżert tal-Libja. Meta r-refuġjat kien qiegħed fil-Libja, hu u għadd ta’ kollegi Eġizzjani ta’ twemmin Kristjan, kienu jqattgħu ħafna ħin jitkellmu dwar ir-reliġjon u d-differenza bejn il-Kristjani u l-Misilmin.

Madankollu r-refuġjat sar jaf li kien hemm għadd ta’ membri tas-CID Eġizzjani li kien qed jaħdmu miegħu fil-Libja. Dawn il-membri tas-CID kienu qed jirrapurtaw lill-awtoritajiet Eġizzjani, dak li r-refuġjat kien qiegħed jgħid dwar ir-reliġjon Kristjana.

Dan ir-refuġjat flimkien ma’ żewġ persuni oħra, ġew ‘black listed’ fl-Eġittu minħabba t-twemmin tagħhom. Wara ħames snin jaħdem fil-Libja, f’:unju tal-2005, huwa wasal f’Malta. Huwa qatt ma kien applika għal status ta’ refuġjat qabel. Huwa kien wasal Malta mingħajr visa. Fuqu kellu l-karta tal-identità Eġizzjana u l-passaport.

Ir-refuġjat kien applika biex jingħata l-istatus ta’ refuġjat, iżda din it-talba ma kinitx intalqgħet. Ir-refuġjat iżda kien appella minn din id-deċiżjoni.

X’ħin ġie biex jiddeċiedi, il-Bord tal-Appell ippresedut miċ-Chairman Joe Mifsud, ikkunsidra diversi fatturi, fosthom, i-fatt li l-Eġizzjan sofra diskriminazjzoni u persekuzzjoni għaliex iħaddan ir-reliġjon ‘coptic’ Kristjana. Infatti, mingħajr ma kien preżenti, il-Qorti Eġizzjana kienet ikkundannatu sitt snin ħabs minħabba t-twemmin tiegħu.

Il-Bord ikkunsidra wkoll id-dikjarazzjoni li gamel Father Rofael Samy, li jservi fil-Knisja ta’ El Faiym. Father Samy qal li l-appellant huwa ‘black listed’ u huwa mfittex mis-CID Eġizzjana għaliex ipprietka r-reliġjon ‘coptic’ Kristjana. Qal li l-Eġizzjan huwa ‘black listed’ kemm fl-Eġittu u l-Libja.

Wara li qies dawn il-fatti kollha, il-Bord tal-Appell tar-Refuġjati laqa’ t-talba tal-appellant u ta lill-appellant status ta’ refuġjat skont il-konvenzjoni tar-refuġjati.