Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma talabx lill-Ministru responsabbli mid-Drittijiet Ċivili Helena Dalli biex Cyrus Engerer jitneħħa minn Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet ta’ Persuni LGBT u minn konsulent tagħha. Engerer hu wkoll konsulent fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, immexxi minn Manwel Mallia. Ftit jiem ilu Cyrus Engerer instab ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali li xerred ritratti pornografiċi tal-eks sieħeb tiegħu ma’ persuni oħrajn biex ipattihielu talli telqu u javvelieh ma’ ħbiebu u anke ma’ min iħaddmu.
Wara li ndirizzat konferenza tal-aħbarijiet, li fiha enfasizzat li l-Gvern għamel wegħda ta’ trasparenza u kontabbiltà, MaltaRightNow.com staqsa lill-Ministru Helena Dalli jekk il-Prim Ministru talabhiex tneħħi lil Cyrus Engerer mill-karigi pubbliċi li kien jokkupa fi ħdan il-Ministeru tagħha. Mingħajr tlaqlieq, Helena Dalli rrispondiet li “u żgur li Le”. Għaldaqstant, staqsejna lil Dalli jekk hi personalment tħossx li Engerer għandu jibqa’ jokkupa l-karigi fil-Ministeru tagħha u jekk hix serjetà li wara li nstab ħati minn Qorti Kriminali, jibqa’ f’dawn il-karigi. Għal darb’oħra r-risposta tal-Ministru kienet fil-qosor, b’sempliċi “Iva, Iva”.
Cyrus Engerer xerred materjal pornografiku b’ritratti kompromettenti tal-eks sieħeb tieghu. Dan il-materjal ibaxxi d-dinjità tal-eks sieħeb tiegħu, bl-att kriminali jiġi deskritt mill-Oppożizzjoni u minn opinjonisti ta’ ġurnali indipendenti bħala reat omofobiku. Iżda meta mistoqsija mill-ġurnalisti dwar jekk taqbilx ma’ dan, Helena Dalli qalet li dan mhux att omofobiku iżda kwistjoni bejn żewġ persuni.
//= $special ?>