Lokali Saħħa

Il-Kap Eżekuttiv tal-POYC ikkonfermat li pazjenti kienu jintalbu d-dettalji personali – Denise Ellul

F’laqgħa li kelli mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, din tal-aħħar ikkonfermat li pazjenti li kienu jċemplu għall-mediċini fil-Ministeru kienu jintalbu jagħtu d-dettalji personali tagħhom. Din hi ammissjoni ċara li mediċini kienu qed jintbagħtu lil dawn il-pazjenti għax kieku l-mediċini jintbagħtu l-ispiżerija, ma jkunx hemm bżonn tad-dettalji tal-pazjent.

Sostniet dan l-ispiżjara Denise Ellul, fi stqarrija b’reazzjoni għall-istqarrija konġunta maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa, il-GRTU u l-Kamra tal-Ispiżjara. F’dik l-istqarrija ntqal li ma hemm ebda rregolaritajiet jew preferenzi fis-sistema tal-POYC. Denise Ellul spjegat li kulma għandu bżonn il-pazjent hu l-isem tal-ispiżerija fejn hu reġistrat għax is-sistema tal-IT tal-POYC tidentifika liema mediċini huma ntitolati għalihom kull spiżerija u l-kwantità li jkun hemm in stock. Fl-ebda ħin m’hemm bżonn id-dettalji personali tal-pazjent, spjegat Ellul.

Dan juri b’mod ċar, kompliet Denise Ellul, kif qed issir diskriminazzjoni bejn pazjenti li jċemplu fil-Ministeru jew lill-uffiċċji tal-POYC u dawk li ma jċemplux għax dawk li jċemplu jkollhom vantaġġ fuq ħaddieħor għax ikunu jafu minn qabel meta se jaslu l-mediċini, saħansitra qabel l-istess spiżjar. Dan aktar u aktar f’sitwazzjoni fejn l-istock li jasal fl-ispiżeriji ma jkunx wieħed li jaqdi lil kull pazjent. Hi qalet li fl-ebda ħin matul il-laqgħa li kellha, jew fl-istqarrija konġunta, ma ngħatat prova li d-dettalji li tat hi fil-pubbliku mhumiex minnhom.

Filwaqt li qalet li l-problema tal-mediċini out of stock ilha teżisti, l-ispiżjara Denise Ellul temmet tgħid li ħadd ma stenna li din is-sitwazzjoni tmur għall-agħar jew li tinbet diskriminazzjoni bejn il-pazjenti. Hi qalet li dan qed joħloq frustrazzjoni għall-pazjenti, li għollewlu l-aspettativi, u min-naha l-oħra problemi kbar għall-ispiżjara.