Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Saħħa

Il-PN b’Mozzjoni biex jitnaqqsu l-waiting lists mill-isptarijiet pubbliċi

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tressaq Mozzjoni oħra fil-Parlament, din id-darba intiża biex jitnaqqsu l-waiting lists. Permezz ta’ din il-Mozzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-pazjenti Maltin li jkunu ilhom jistennew għal trattament mediku fi sptarijiet tal-Gvern ikollhom id-dritt li jagħmlu l-intervent tagħhom fi sptarijiet privati f’Malta.

Dettalji dwar din il-proposta ngħataw waqt laqgħa li l-Kap tal-PN Simon Busuttil, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Claudio Grech u l-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jonathan Shaw u Helga Ellul kellhom ma’ rappreżentanti ta’ tliet sptarijiet privati lokali: St James Capua, Da Vinci u St Anne’s Clinic.

Il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmel din il-proposta fuq id-dritt li diġà għandhom ċittadini Maltin u Ewropej grazzi għad-Direttiva tal-UE magħrufa bħala l-Cross Border Directive, li permezz tagħha jistgħu jingħataw trattament mediku fi sptarijiet privati barranin u jingħataw rifużjoni fuq il-ħlas li għamlu jekk il-pajjiż tagħhom ma jkunx jista’ jiżgura li l-intervent meħtieġ jingħatalhom fil-ħin.

B’din il-Mozzjoni, li mistennija titressaq għada fil-Parlament, il-PN qed jipproponi li jiġi emendat l-Avviż Legali konċernat ħalli jiddaħħal il-prinċipju li pazjent li jikkwalifika mill-provedimenti tad-Direttiva Ewropea jkun jista’ jagħżel bejn jekk jagħmilx l-intervent barra minn Malta jew fi sptar privat lokali. Simon Busuttil qal li kull meta kien fil-Gvern, il-PN dejjem saħħaħ is-servizz mediku, filwaqt li Gvernijiet Nazzjonalisti fetħu l-opportunitajiet għas-settur mediku privat biex ibbenefikaw ukoll il-pazjenti Maltin.

Gvern Nazzjonalista kien diġà beda jwettaq ftehim għal servizzi mediċi offfruti bi sħab mal-isptarijiet privati, iżda l-Gvern Laburista preżenti waqqfu biex wara sena fil-Gvern kellu jerġa’ jirritorna għalih u jattwah. Fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista, minkejja l-wegħdiet elettorali, il-waiting lists żdiedu u mhux naqsu, bil-Gvern għandu problema bl-iffullar fl-isptar. L-istatistika turi li 1,600 pazjent tħallew fil-kuriduri u parti mit-tort ta’ dan hu l-fatt li l-Gvern waqqaf kull forma ta’ inizjattiva mal-privat fl-ewwel sena tiegħu.

Il-Kap tal-PN qal li l-proposta li qed tagħmel l-Oppożizzjoni dwar dritt lill-Maltin li jieħdu servizzi fi sptarijiet privati lokali għandha biss benefiċċji għax tassigura li l-pazjenti li jinsabu fuq il-lista tal-istennija jingħataw servizz aktar mgħaġġel. Fl-istess waqt, il-Gvern ma jkollux spejjeż żejda fuq dawn is-servizzi u jitkabbar ukoll l-operat tas-settur privat. Claudio Grech qal li din hi proposta li jekk tkun implimentata mill-Gvern għandha tagħmel differenza kbira fil-ħajja tan-nies li jkollhom bżonn is-servizzi mediċi.